VALLETTA……………… 1 GŻIRA UNITED ………………….. 3
Valletta: H. Bonello, E. Pena Beltre, S. Borg, J. Caruana, J. Borg, R. Muscat, D. Packer (K. Nwoko 67’), Y. Messias (S. Dimech 55’) , M. Piciollo, M. Fontanella, B. Kaljevic (K. Tulimieri 67’)
Gżira: J. Haber, Z. Scerri, R. Soares, F. Barbosa, S. Borg, G. Conti, N. Muscat, H. Kone (A. Cohen 79’), M. Davis, A. Samb, J. de Assis
Imwissi: R. Muscat 75’ (V)
Skorjaw: A. Samb 40’, J. de Assis 59’ 68’ (G), M. Fontanella 69’ (V)
Referee: Trustin Farrugia Cann
Assistenti Referees: Alan Camilleri, Ivan Galea
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Jefferson de Assis (Gżira United)
BOV Plejer tal-logħba: Jefferson de Assis (Gżira United)
Attendenza: 1142
Gżira United bdew jaqbdu r-ritmu hekk kif wara r-rebħa tal-Ħadd li għadda kontra Balzan, din id-darba rebħu kontra dirett ieħor kontra ċ-champions Valletta 3-1. Rebħa meritata għalihom hekk kif għarfu jieħdu l-okkażjonijiet li kellhom, f’logħba li ma kinitx spettakolari, speċjalment fl-ewwel taqsima. Jekk Gżira għadhom mhux megħluba, għal Valletta din kienet it-tieni telfa fil-kampjonat u b’hekk baqgħu bi tmien punti. Il-Beltin naqsu li jkunu kreattivi u stenbħu biss wara t-tielet gowl fejn kellhom aktar okkażjonijiet milli ħolqu qabel.
Il-kowċ ta’ Gżira Giovanni Tedesco għamel żewġ bidliet mir-rebħa kontra Balzan. Zachary Scerri u Hamed Kone rritornaw u ħadu post Clifford Gatt Baldacchino u Arthur Oyama. Fuq in-naħa l-oħra, tliet bidliet għal Darren Abdilla mid-draw kontra Birkirkara. Irritorna fid-difiża l-captain Jonathan Caruana flimkien ma’ Rowen Muscat u Matteo Piciollo flok l-imweġġgħin Joseph Zerafa u Irakli Dzaria flimkien ma’ Kevin Tulimieri.
Fl-ewwel għoxrin minuta, iż-żewġ timijiet naqsu li jżommu pussess tal-ballun fit-tul, konsegwenza ta’ ħafna passaġġi żbaljati. Fil-fatt, l-ewwel azzjoni denja waslet wara 22 minuta, b’Jefferson de Assis jaqbeż b’faċilità fuq il-ġirja lil Steve Borg iżda x-xutt finali kien salvat minn Henry Bonello. Għalkemm il-partita ma laħqitx xi livelli għolja, Gżira kienu ftit aħjar minn Valletta hekk kif kienu pożizzjonati aħjar u bdew jieħdu l-blalen mat-tieni okkażjoni. Valletta naqsu li joħolqu azzjoni denja hekk kif kienu fqar fl-ideat.
Gżira fetħu l-iskor fl-40 minuta b’azzjoni ta’ Hamed Kone li avvanza aktar min-nofs il-grawnd u b’passaġġ vertikali fl-ispazju sab lil AMADOU SAMB li għeleb in-nasba tal-offside u żerżaq il-ballun minn taħt saqajn Bonello. Erba’ minuti wara xutt minn barra l-kaxxa ta’ Nikolai Muscat ġie salvat minn Bonello.
L-andament fil-bidu tat-tieni taqsima baqa’ l-istess, b’Gżira jibqgħu jikkontrollaw anki jekk b’anqas pussess. Fit-52 minuta, Amadou Samb prova mid-distanza b’xutt li għadda ftit għoli. Il-Maroons irduppjaw fid-59 minuta b’passaġġ fit-tul ta’ Gianmarco Conti, JEFFERSON DE ASSIS rebaħ dwell ma’ Jonathan Caruana u b’xutt fil-baxx għeleb lil Bonello.
Gżira saħansitra għamluhom tlieta fit-68 minuta b’JEFFERSON DE ASSIS jiġi wiċċ imb wiċċ ma’ Bonello minn ballun fit-tul, il-Brażiljan li jittrateni ftit qabel xeħet fix-xibka. Reazzjoni immedjata minn Valletta li fl-ewwel xutt tagħhom fil-lasta naqqsu d-distakk. MARIO FONTANELLA skorja l-ewwel gowl tal-kampjonat b’xutt b’saħħtu li Haber naqas li jżomm.
Dan il-gowl donnu ta stimolu ġdid lil Valletta li żiedu fil-logħob tagħhom. Żewġ minuti wara, Justin Haber dawwar f’korner b’mod spettakolari, ġest akrobatiku tas-sostitut Kevin Tulimieri. Minuta wara, Fontanella mar qrib b’xutt mill-viċin li kien b’saħħtu iżda ċentrali għal Haber. Fis-86 minuta, Valletta viċin it-tieni gowl, b’daqqa ta’ ras minn korner ta’ Matteo Piciollo li kienet blokkata fuq il-linja minn Nikolai Muscat. Żewġ minuti wara, ċans ieħor għal Valletta bi kross preċiż ta’ Tulimieri fil-kaxxa, iżda d-daqqa ta’ ras ta’ Kyrian Nwoko ħabtet mal-art u spiċċat fuq il-mimduda.
//= $special ?>