Il-Gvern ta’ Hong Kong qed iħejji projbizzjoni għall-ilbies tal-maskri tal-wiċċ waqt dimostrazzjonijiet pubbliċi. Il-projbizzjoni mistennija titħabbar fi kwistjoni ta’ sigħat wara laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv ta’ Hong Kong fejn mistennija jitfasslu xi liġijiet għall-emerġenzi.
L-uffiċjali qegħdin jippjanaw biex jużaw leġislazzjoni ta’ emerġenza li tmur lura għall-era kolonjali, bil-għan jimplimentaw il-miżura dwar il-maskri. Dan bil-ħsieb li ‘ikunu kontrollati aħjar’ il-protesti kontra l-Gvern ta’ Hong Kong li ilhom għaddejjin mill-bidu tas-sajf.
Il-leġislazzjoni, bl-isem Emergency Regulations Ordinance, ilha ma tintuża f’Hong Kong għal 50 sena.
Il-protesti – li bdew f’Ġunju – kienu xprunati minn proposti biex residenti ta’ Hong Kong suspettati b’aġir kriminali jispiċċaw estraditi lejn iċ-Ċina. Dan meta l-kritiċi inkwetaw dwar ‘il-periklu dirett (mill-proposti) għal dissidenti’ u l-effett tal-miżura għall-indipendenza tal-ġudikatura f’Hong Kong li jgawdi livell ta’ awtonomija minn Beijing.
Il-liġijiet tal-emerġenza li mistennija jitħabbru għandhom jagħtu awtorità lill-Mexxejja ta’ Hong Kong, Carrie Lam, ‘biex tfassal kwalunkwe regoli li temmen lhuma xieraq fl-interess pubbliku’, f’każ ta’ ‘sitwazzjoni ta’ emerġenza jew periklu għall-pubbliku’.
Intant, il-liġijiet jistgħu jagħtu awtorità akbar lill-Gvern ta’ Hong Hong biex iwettaq l-arresti, jiċċensura l-pubblikazzjonijiet u jfittex fir-residenzi u bini oħra fit-territorju. Dan meta l-inkwiet f’Hong Kong – fost il-konfronti bejn dimostranti u qawwiet tal-liġi — assuma element aktar vjolenti fl-aħħar ġimgħat.
//= $special ?>