Għawdex Lokali

Id-Dar tal-Anzjani f’Għawdex tibqa’ mhix lesta

Tissemma' f'tal anqas 7 baġits

Id-Dar tal-Anzjani f’Għajnsielem, magħrufa aħjar bħala Casa San Giuseppe, ilha għal dan l-aħħar 6 baġits tiġi mwegħda.

Iżda ritratti mibgħuta lil Net News din il-ġimgħa juru kif din għadha ġebel u saqaf.

L-ewwel darba li ONE News irrapporta li nbeda x-xogħol fuq din id-dar kien lura fid-29 ta’ Mejju 2016 u dan segwa b’numru ta’ servizzi matul is-sentejn ta’ wara.

Il-Ministru preċedenti għal Għawdex, Anton Refalo fil-11 ta’ Lulju 2016 kien qal li l-proġett se jitlesta fi żmien sena:

“Illum ġejna on site biex nara proġett ieħor ta’ dan il-Gvern jitwettaq.(…)Bil-mod u r-ritmu kif miexi dan ix-xogħol suppost jieħu sena però kif aħna nfurmati mill-construction manager u l-perit inkarigat, diġà qegħdin xahrejn ‘il quddiem.”

Seba’ xhur wara, ONE News qal li x-xogħol għaddej b’ritmu mgħaġġel, skont l-eks Ministru stess, il-proġett tal-kostruzzjoni kien wasal fl-aħħar. Xahrejn wara fi-17 t’April, ONE News ħabbar li kien baqa ftit ġimgħat biex titlesta l-fażi tal-bini.

Iżda fl-elezzjoni Anton Refalo baqa’ l-art. Floku laħqet Justyne Caruana li kompliet bil-wegħdiet fiergħa dwar din id-dar tant li One, fit-3 ta’ Marzu 2018 iddikjaraw li l-proġett kellu jitlesta sa Ġunju tas-sena l-oħra

Fid-dawl ta’ dan id-daħk fil-wiċċ ta’ Gvern Laburista mal-anzjani Għawdxin u l-familji tagħhom, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex, Chris Said,jemmen li dan il-proġett se jerġa’ jissemma’ fil-baġit:

“M’għandix dubju li fil-baġit li ġej se terġa’ tissemma d-Dar tal-Anzjani f’Għajnsielem. Din issemmiet f’7 baġits differenti ta’ dan il-Gvern. Sena wara sena, titwiegħed id-Dar tal-Anzjani u f’7 snin ma tlestietx. Din għadha ġebel u saqaf u ma jidhirx li se titlesta fix-xhur li ġejjin bil-konsegwenza li ma hemmx post fejn jintlaqgħu l-anzjani minkejja l-wegħda ta’ dan il-Gvern.”