Zebra li kien ħarab minn ċirku spiċċa maqtul b’tiri li sparawlu l-pulizija wara li spiċċa jiġri ‘bla direzzjoni’ fit-triq prinċipali – magħruf bħala autobahn – fost il-paniku u l-kaos li rriżultaw f’inċident tat-traffiku.
Il-pulizija fil-belt ta’ Rostock qalu li l-annimal ħarbat il-movimenti tat-traffiku, minbarra li kkaġuna l-ħsarat f’numru ta’ vetturi fuq l-A20 sakemm intervjenew il-forzi tal-liġi. Ma ngħatawx dettalji dwar l-isparatura sussegwenti.
Intant, inqabad zebra ieħor li wkoll kien ħarab miċ-ċirku inkwistjoni. Mhux ċar kif iż-żewġ annimali rnexxielhom joħorġu mill-kumpless li jinsab fit-Tramuntana tal-Ġermanja.
L-aħbar dwar il-‘ħarba taz-zebras’ ġriet bħal berqa u ladarba l-pulizija ħarġu twissija fuq Twitter li annimal minnhom kien qed joħloq paniku sħiħ fuq l-autobahn, ‘waqt li jiġri fid-direzzjoni żbaljata, minn Tessin lejn Rostock’.
Ma weġġa’ ħadd fl-inċident tat-traffiku li seħħ meta karozza baqgħet dieħla f’oħra wara li daret f’daqqa biex tevita liz-zebra. L-inċident, madankollu, ikkaġuna l-għeluq temporanju tat-triq prinċipali.
L-aħħar rapporti kkonfermaw li z-zebra ‘kellu jinqatel’ qrib il-muniċipalità ta’ Thelkow wara li l-uffiċjali u espert tal-annimali maċ-ċirku ma rnexxilhomx jaqbduh ħaj. It-tieni zebra, fl-aħħar sigħat, ittieħed lura fiċ-ċirku minn fejn kien ħarab.
//= $special ?>