Il-Korea ta’ Fuq komunista kkonfermat li ppruvat tip ġdid ta’ missila ballistika (Pukguksong-3), b’din il-prova timmarka ‘eskalazzjoni sinifikanti’ mill-provi preċedenti bil-missili għal fuq id-distanzi qosra.
Il-prova tal-missila inkwistjoni – li kapaċi ġġorr warhead nukleari – hi l-ħdax il-waħda ta’ din is-sena mir-reġim fi Pyongyang. Madankollu, l-azzjoni f’zona ta’ baħar ‘il hinn mill-Bajja ta’ Wonsan tindika li l-missila ġdida kapaċi tkun sparata minn sottomarin, b’dan ikun żvilupp partikularment notevoli minn aspett ‘militari’.
Dawn it-tipi ta’ missili — magħrufin bħala ‘submarine-capable’ — jagħmluha eħfef għall-Korea ta’ Fuq biex tispara l-missili ‘il hinn mit-territorji tagħha.
Skont l-osservaturi fil-Korea t’Isfel, il-missila taret distanza ta’ 450 kilometru – u f’għoli ta’ 910 kilometru — qabel niżlet dritt għal ġol-Baħar tal-Ġappun.
Dan ifisser li l-missila taret ‘darbtejn aktar fil-għoli’ mill-Istazzjon tal-Ispazju Internazzjonali, għalkemm xi provi preċedenti mill-Korea ta’ Fuq anki qabżu dan il-livell.
Filwaqt li l-prova seħħet xi sigħat qabel il-konferma mill-Korea ta’ Fuq li ‘se tkompli bit-taħditiet nukleari mal-Istati Uniti’, il-Ġappun qed isostni li l-missila niżlet fiz-zona ekonomika esklussiva tiegħu, li tkopri xi 200 kilometru madwar it-territorju tal-Ġappuniżi.
//= $special ?>