Futbol Sport

Ir-riżultat jibqa’ l-aktar fondamentali – Milena Bertolini, kowċ nazzjonali tal-Italja

(Ritratt: Joe Borg/MFA)

Bi stil tipikament Taljan, il-kowċ nazzjonali Milena Bertolini tinsab f’pajjiżna għat-tliet punti u trid sempliċiment li l-Italja tikseb ir-rebħa kontra Malta. Hi qed tfittex biex f’din il-logħba jkun hemm l-atteġġjament ġust, b’umiltà u rispett filwaqt li wissiet biex ma jiħdux lit-tim Malti faċilment.

L-Italja ġejja minn Tazza tad-Dinja pożittiva li forsi kontra kull mistenni waslet sal-kwarti tal-finali. Bertolini tammetti li qatt ma ħasbet li t-tim kien se jasal sa din il-fażi iżda qalet li għadu kmieni biex tara l-evoluzzjoni ta’ dak ir-riżultat. Hi tenniet ir-rispett lejn it-tim Malti fejn qalet li għaliha ma hemmx timijiet żgħar għaliex fl-aħħar snin urew li tjiebu u qed jagħlqu d-distakk min-nazzjonijiet il-kbar fi ftit żmien.

Bertolini għadha mhux deċiża dwar il-formazzjoni inizjali u saħqet li tiddeċiedi dejjem filgħodu fil-ġurnata tal-logħba. Mistoqsi dwar il-fatt li l-logħba se tintlagħab fuq art artifiċjali, Bertolini qalet li jista’ jkun vantaġġ għal Malta iżda fl-istess ħin qalet li trid tikkwalifika għall-Kampjonat Ewropew u għalhekk ma għandux ikun hemm skużi u jridu jegħlbu kull ostaklu.

Preżenti wkoll id-difensur Taljana Sara Gama fejn qalet li hemm grupp ta’ żgħażagħ interessanti telgħin. Sara Gama hi waħda mill-plejers stabbiliti u għalhekk parti mill-irwol tagħha hi li tgħin biex tagħmilha aktar faċli għal dawn iż-żgħażagħ fit-tim biex jintegraw.