Lokali

Irridu soċjetà li jimpurtaha – PN

“Għandna nistaqsu lilna nfusna jekk għadniex komunità inklussiva, li tieħu ħsieb lil dawk l-iżjed vulnerabbli speċjalment dawk li jinsabu għaddejjin minn diffikultajiet finanzjarji, fiżiċi jew mentali. Għandna nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex napprezzaw il-ħidma ta’ kull min jistinka sabiex ikollna soċjetà aħjar. Ġenituri li jieħu ħsieb lil uliedhom jew qrabathom, persuni fil-volontarjat li x-xogħol tagħhom huwa imprezzabbli. Għandna nistaqsu jekk hux qegħdin nagħmlu biżżejjed biex il-pensjonati jgħixu ħajja diċenti wara li jkunu għamlu għomorhom jaħdmu għall-familja u l-pajjiż. Dawn huma l-mistoqsijiet li għandna nwieġbu, mhux naraw biss l-istatistika tal-GDP iżda naħdmu għall-benesseri aħjar ta’ kull persuna, għalhekk irridu soċjetà li jimpurtaha.”. qal dan Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-proposti konkreti tal-PN fil-Pre Budget Document għall-qasam soċjali.

Adrian Delia qal li kull gvern mill-indipendenza dejjem ħadem sabiex isaħħaħ l-ekonomija ta’ pajjiżna mingħajr ma jissagrifika l-kuxjenza soċjali. Il-politika tal-Gvern Laburista li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni bla pjan qed toħloq bosta diffikultajiet f’numru kbir ta’ setturi. Il-persuni li qegħdin fix-xifer tal-faqar qegħdin dejjem jiżdiedu u aktar pensjonanti qegħdin isibuha ferm diffiċli li jlaħħqu mal-ispejjeż u mhux jaslu sal-aħħar tax-xahar. Il-ħaddiema qed ikollhom jaċċettaw iċ-cheap labour, il-pagi mhux jogħlew biżżejjed filwaqt li l-prezzijiet tal-prodotti essenzjali dejjem jiżdiedu. Din mhix soċjetà li jimpurtaha.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Solidarjetà Soċjali Claudio Grech u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni kontra l-Esklużjoni Soċjali Ivan Bartolo taw id-dettalji dwar il-proposti fil-Pre Budget Document tal-PN. Dawn jinkludu fost l-oħrajn:

Il-ħolqien ta’ linja bażi tad-drittijiet soċjali bil-għan li jsaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tal-persuni l-iżjed vulnerabbli fis-soċjetà.

Jissaħħu l-pensjonijiet, li jkunu parti mil-linja bażi tad-drittijiet soċjali.

Tfassil ta’ sistema ta’ ‘trasferimenti soċjali’ mibnija madwar il-ħtiġijiet tal-individwi u mhux aktar sitwazzjoni ta’ one size fits all.

Qafas għal pagi ġusti u kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw id-dinjità tal-individwu għal ħajja diċenti.

Sforz akbar u b’serjetà biex jieqfu ċ-cheap labour, il-prekarjat u in-work poverty.

Titpoġġa l-mobbiltà soċjali fiċ-ċentru tal-politika, ninvestu f’fondi pubbliċi li jipprovdu lill-persuni l-iżjed vulnerabbli l-opportunitajiet sabiex jimxu ‘l quddiem.

Tibdil minn sistema populista għal waħda bbażata fuq l-ugwaljanza, l-ġustizzja, l-ġustizzja soċjali.

Tibdil fil-kultura preżenti għal waħda bbażata aktar fuq il-meritokrazija.

Mezzi sodi ta’ għajnuna, edukazzjoni, taħriġ u aċċess għal opportunitajiet indaqs, li jaċċelleraw l-għajnuna għaċ-ċittadini li jagħżlu li jtejbu lilhom infushom u jtejbu l-pożizzjoni soċjali tagħhom.

Naħsbu mill-ġdid f’politika ħolistika tal-familja, b’mudell integrat li jgħaqqad l-elementi soċjoekonomiċi kollha f’qafas komuni t’appoġġ għall-familji.

Jitpoġġew d-drittijiet tat-tfal fiċ-ċentru tal-protezzjoni soċjali, fejn l-ebda tifel jew tifla ma taqa’ lura.

Jiġu stabbiliti d-drittijiet tat-tarbija fil-ġuf billi nagħtuha l-protezzjoni kollha possibbli.

Matul din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-PN Adrian Delia u d-deputati Claudio Grech u Ivan Bartolo kien akkumpanjati mis-Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg u l-Kunsilliera tal-PN fiż-Żejtun Amanda Abela.