Rispett kbir lejn l-avversarju iżda konvinzjoni li joffru reżistenza. Dan hu l-ħsieb tal-kowċ nazzjonali Mark Gatt hekk kif għada fil-5.30pm it-tim Malti jilqa’ fis-Centenary Stadium lit-tim nazzjonali Taljan. Gatt iħares lejn din il-logħba bħala opportunità biex juru li l-livell tal-futbol tan-nisa f’Malta qed jogħla.
Il-kowċ Malti tenna l-kuntentizza ta’ plejers żgħażagħ li telgħin fit-tim. Id-differenza bejn iż-żewġ nazzjonijiet hi evidenti iżda għalkemm ir-riżultat hu l-aktar importanti, Gatt ikun kuntent jekk joħroġ l-aħjar tat-tim u kulħadd jagħti l-aħjar li jistgħu.
Il-futbol tan-nisa fl-aħħar xhur u snin kiber fuq livell mondjali. Mark Gatt ma jaħsibx li l-futbol Malti kiber bl-istess livell ta’ dak madwar id-dinja iżda semma dwar l-investiment kbir li sar fil-klabbs. Gatt hu deċiż dwar il-formazzjoni u s-sistema tattika li se jilgħab u żied li għalkemm iħares lejn l-avversarju, hu joħloq bilanċ fil-preparazzjoni biex joħroġ is-saħħa tat-tim.
Il-captain tat-tim nazzjonali Dorianne Theuma tqis din il-logħba bħala okkażjoni li jilagħbu kontra tim ta’ livell mondjali u tħares biex it-tim Malti jikseb riżultat rispettabbli u forsi jikseb xi punt. Hi temmen li jekk jilagħbu b’għaqal, jistgħu jisfruttraw minn mumenti ta’ kunfidenza żejda li t-Taljani jista’ jkollhom.
Theuma ilha fit-tim Malti u semmiet it-titjib li sar biex illum in-nisa għandhom aktar spazju biex jilagħbu filwaqt li t-tim nazzjonali għandu aktar għażla ta’ plejers. Kritika kostruttiva ta’ Theuma hi li ż-żgħażagħ li l-ġenerazzjoni tal-lum ma tapprezzax dak li għandu l-futbol tan-nisa llum.
//= $special ?>