Internazzjonali

L-Iraq: Tiri sparati f’Bagdad fost ir-rabja tad-dimostranti

Il-qawwiet tas-sigurtà f’Bagdad sparaw fuq dimostranti li ħarġu fit-toroq tal-kapitali biex jisfidaw curfew impost mill-awtoritajiet. Il-Prim Ministru Iraqi, Adel Abdul Mahdi, sadanittant, insista li l-curfew ( li ma jippermettix li n-nies jinġabru fil-postijiet pubbliċi għal ħinijiet stabbiliti) hu meħtieġ għaż-żamma tal-ordni u biex id-dimostranti jkunu protetti ‘minn elementi aggressivi li jistgħu jinfiltrawhom bi skop ulterjuri’.

Talanqas 13-il persuna nqatlu fil-konfronti li ilhom għaddejjin mit-Tlieta bejn dimostranti u qawwiet tas-sigurtà f’Bagdad u bliet oħrajn tal-Iraq.

Dan meta eluf ta’ Iraqqin qed joħorġu fit-toroq biex jesprimu rabja dwar nuqqas ta’ xogħol, l-istat fqir tas-servizzi u l-korruzzjoni. Intant, il-protesti, li ma jidhrux organizzati, huma l-akbar mindu Mahdi laħaq Prim Ministru sena ilu.

In-Nazzjonijiet Uniti u l-Istati Uniti, sadanittant, esprimew inkwiet dwar il-vjolenza waqt li qed iħeġġu lill-awtoritajiet fl-Iraq biex iżommu lura minn reazzjoni vjolenti.

Fl-aħħar sigħat seħħew l-isplużjonijiet fiz-Zona l-Ħadra fortifikata ta’ Bagdad fejn jinsabu l-uffiċini tal-Gvern u l-ambaxxati barranin. Il-koalizzjoni li qed tmexxi l-Istati Uniti kontra l-ISIS fl-Iraq qalet li ma ntlaqtet l-ebda waħda mill-faċilitajiet tagħhom u li l-awtoritajiet tas-sigurtà Iraqqin kienu qed jinvestigaw l-isplużjonijiet.