Lazio dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Rennes 2-1 fi Stadio Olimpico u evitaw li jagħmlu l-kwalifikazzjoni diffiċli. Il-Franċiżi marru fil-vantaġġ fil-55 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Jeremy Morel minn free-kick mil-lemin. Is-sostitut Sergej Milinkovic-Savic ġab id-draw fit-63 minuta b’xutt fil-baxx bix-xellug, biex Ciro Immobile skorja l-gowl tar-rebħa fis-76 minuta bi kross mil-lemin ta’ Milinkovic-Savic isib lill-attakkant li b’daqqa ta’ ras preċiża sab ix-xibka.
Arsenal kisbu rebħa oħra konvinċenti fil-kompetizzjoni, din id-darba ta’ 4-0 fl-Emirates Stadium kontra Standard Liege. L-attakkant Gabriel Martinelli skorja doppjetta b’gowls fl-14 u s-16-il minuta u Joseph Willock għamilhom tlieta fit-22 minuta. Dani Ceballos issiġilla r-rebħa fis-57 minuta.
Roma kienu miżmuma 1-1 barra minn darhom kontra Wolfsberger. Leonardo Spinazzola poġġa lil Roma minn fuq fis-27 minuta iżda Michael Liendl ġab id-draw fil-51 minuta.
Manchester United ukoll ma rebħux barra minn darhom u spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls kontra AZ Alkmaar. Il-prestazzjoni tar-Red Devils ftit kienet brillanti, anki kawża ta’ diversi bdil fil-formazzjoni.
