Lokali Unjoni Ewropea

F’Malta jgħidu mod…u fl-UE jgħidu mod ieħor

Jifraħ lil Helena Dalli minkejja li kienet "tagħmel totalment differenti" rigward il-Panama Papers

Fis-sigħat li għaddew, qabel kisbet iż-żewġ terzi tal-voti fi Brussel, Helena Dalli għaddiet mill-iskrutinju tal-Membri Parlamentari Ewropej fejn fost il-mistoqsijiet li sarula…l-aktar li spikkaw kienu tnejn.

Mistoqsijiet li ffukaw direttament fuq Malta u s-sitwazzjoni wara l-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kif ukoll dwar l-iskandlu tal-Panama Papers.

Helena Dalli sejħet il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia bħala femiċidju.

Madanakollu, rigward is-sitwazzjoni tal-Panama Papers u l-involviment tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri…. Helena Dalli qalet li kieku hi kienet taġixxi totalment differenti milli għażel li jagħmel il-Prim Ministru Joseph Muscat li baqa’ sieket u għatta għal dawk imsemmija fil-Panama Papers.

Ftit tal-ħin wara li wieġbet hekk, il-media lokali kienet pronta tirraporta dan kollu:


Net News – kelma b’kelma dak li ntqal

Times of Malta – qalu li għalkemm kienet parti mill-Kabinett ta’ Muscat li vvota favur Konrad Mizzi meta faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers fl-2016, illum qed tgħid mod ieħor.

TVM – qalu li Helena Dalli kienet timxi mod ieħor fil-konfront ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.

MaltaToday – Għalkemm faħru lil Dalli fit-titlu tagħhom, qalu li hi dehret skomda twieġeb dwar il-qtil ta’  Daphne Caruana Galizia iżda li ma qaditx lura milli tgħid li kienet tagħmel differenti mill-Prim Ministru dwar l-iskandlu tal-Panama Papers.

Ftit tas-sekondi wara, hareg rapport tal-media Laburista fejn xandru ‘tweet’ li tefa’ il-Prim Ministru Joseph Muscat …illi feraħ lil Helena Dalli għall-prestazzjoni tagħha u l-kontenut li tkellmet dwaru.

Izda x’ried ifisser il-Prim Ministru? … li kien żbaljat? … li Helena Dalli għandha raġun? … X’ser jiġri minn Konrad Mizzi u Keith Schembri? … Se jieqaf jgħattilhom u jieħu passi?

Dawn kienu kollha mistoqsijiet li xtaqna nistaqsu lil Prim Ministru Joseph Muscat waqt attività f’Ta’ Qali li hu kien qed jindirizza…. iżda Joseph Muscat għażel li jaħrab il-mistoqsijiet, u jevita lill-gurnalisti billi johrog minn bieb fil-ġenb, b’ħafna uffiċċjali tas-siġurtà li aċċertaw li l-ebda ġurnalist ma jersaq lejn Muscat appena lesta d-diskors tiegħu, daħal fil-karozza u ħarab mill-post.