Futbol Sport

Melita fil-quċċata tat-Tieni Diviżjoni wara l-ewwel telfa ta’ Kalkara

(Ritratt: Walter Sargent)

Kalkara kienu l-uniku tim li kellu punti massimi wara żewġ logħbiet, iżda sofrew telfa ta’ 4-2 kontra Mellieħa fil-Luxol Stadium biex tilfu wkoll il-quċċata. Il-Melliħin kellhom bidu mill-aqwa hekk kif marru fil-vantaġġ wara minuta b’gowl mill-viċin ta’ Mark Saliba.

Reazzjoni immedjata minn Kalkara li ġabu d-draw fit-tmien minuta b’passaġġ preċiż fuq id-difiża ta’ Matthew Schembri lejn Timmy Thomas li minn angolu ristrett qabbeż il-ballun fuq James Magro. Kalkara marru fil-vantaġġ fis-56 minuta, b’Timmy Thomas jitfa’ kross preċiż lejn Emmanuel Mbong li skorja minn ftit metri bogħod.

Iżda Mellieħa bdew ir-rimonta tagħhom u l-ewwel ġabu d-draw tmien minuti wara minn Mattei Vella, biex wara li fis-70 minuta tkeċċa l-plejer ta’ Kalkara Aaron Agius, Jordan Debattista poġġa lil Mellieħa minn fuq fid-79 minuta. Michael Micallef issiġilla r-rebħa fit-92 minuta.

Melita telgħu fil-quċċata tal-klassifika wara rebħa fuq Rabat Ajax 3-0. Danny Clardige fetaħ l-iskor fil-31 minuta u għaxar minuti wara Julian Abela rdoppja biex Claridge għamilhom tlieta għat-tim ta’ Edmond Lufi fid-49 minuta.

Marsa kisbu l-ewwel rebħa tal-kampjonat b’rebħa ta’ 4-1 kontra Xgħajra Tornados. Marsa marru fil-vantaġġ fis-27 minuta meta Erik Pietribiasi twaqqa’ fil-kaxxa minn Alex Cauchi, bir-referee Andrea Sciriha jordna penalty u jkeċċi lid-difensur ta’ Xgħajra. Mill-11-il metru Shalon Diacono bagħat lill-gowlkiper in-naħa l-oħra tal-ballun. Il-Marsin ingħataw it-tieni penalty fil-bidu tat-tieni taqsima meta din id-darba Pietribiasi twaqqa’ mill-gowlkiper Lark Pino Falzon. Paul Lapira ma żbaljax mill-11-il metru.

L-iskor sar 3-0 meta Pietribiasi għadda djagonalment lejn Damon Grima li kellu x-xutt jaħbat mad-difensur Isaac Falzon u baqa’ dieħel fix-xibka. Fis-56 minuta, Marsa saħansitra ngħataw it-tielet penalty b’Pietribiasi twaqqa’ fil-kaxxa minn Deemer Cutajar. Pietribiasi nkariga ruħu iżda x-xutt kien salvat minn Falzon. Il-Marsin kabbru l-iskor fil-65 minuta meta l-attakkant Erik Pietribiasi żmarka ruħu minn ballun fit-tul u skorja b’xutt fil-baxx. Xgħajra skorjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni fit-78 minuta, b’Royter Degiorgio jaqbeż lill-gowlkiper Jonasthan Grech u kkonkluda fix-xibka.

F’logħbiet oħra, Marsaxlokk kisbu rebħa importanti ta’ 1-0 kontra Żabbar St. Patrick bil-gowl jasal minn penalty tal-veteran Alan Tabone sitt minuti mit-tmiem. B’gowl f’kull taqsima, San Ġwann għelbu lil Luqa St. Andrews 2-0. Luca Mallia fetaħ l-iskor wara ħames minuti u Owen Spiteri rdoppja fl-74 minuta.

Mġarr United irritornaw għar-rebħ wara li għelbu lit-tim promoss Żurrieq 2-0. Lyden Micallef skorja l-ewwel gowl wara seba’ minuti u Jack Vella rdoppja minuta wara l-mistrieħ. Żurrieq spiċċaw il-logħba b’raġel anqas wara li tkeċċa Karl Sacco minuta mit-tmiem.

Riżultati

Is-Sibt: Kalkara v Mellieħa 2-4, Marsaxlokk v Żabbar St Patrick 1-0

Il-Ħadd: Melita v Rabat Ajax 3-0, Xgħajra Tornados v Marsa 1-4

It-Tnejn: San Ġwann v Luqa St Andrews 2-0, Żurrieq v Mġarr United 0-2

Klassifika

Melita 7 punti, Kalkara 6 punti, Marsa 5 punti, San Ġwann 5 punti, Mġarr 4 punti, Żurrieq 4 punti, Xgħajra 4 punti, Mellieħa 4 punti, Marsaxlokk 3 punti, Rabat 2 punti, Żabbar punt, Birżebbuġa punt, Luqa punt *Marsaxlokk, Żabbar u Birżebbuġa lagħbu logħba anqas

Logħob li jmiss

Is-Sibt: Luxol Stadium: Żabbar SP v Birżebbuġa SP 3.00pm, Luqa SA v Melita 5.15pm

Illum: Victor Tedesco Stadium: Marsaxlokk v Xgħajra T. 3.00pm, Marsa v San Ġwann 5.15pm, Luxol Stadium: Mġarr U. v Kalkara 3.00pm, Rabat v Żurrieq 5.15pm

L-aqwa skorers

Royter Degiorgio (Xgħajra T.) 3 gowls, Emmanuel Mbong (Kalkara) 3 gowls, Erik Pietribiasi (Marsa) 3 gowls