Sport Sport Ieħor

Mountain Bikers Maltin jikkompetu fi tlielaq diffiċli fi Sqallija

Ħdax-il Mountain Biker Malti ħadu sehem fl-Etna Maratona li saret dan l-aħħar. Din it-tellieqa hi meqjusa bħala waħda mill-aktar tlielaq affaxxinanti tal-mountain bike fl-Ewropa u tattira uħud mill-aqwa ċiklisti professjonali. Il-kontinġent Malti kien magħmul minn Marie Claire Aquilina, Etienne Bonello, Clive Ebejer, Justin Gauci, Ramon Grech, Stephen Grima, Mark Micallef, Patrick Scicluna, Jason Vella, Christian Zammit u Mark Zammit.

Ramon Grech, Justin Gauci u Marie Claire Aquilina kkompetew fit-tellieqa ħarxa tal-maratona ta’ 76 kilometru. Aquilina spiċċat fit-tieni post fil-kategorija tagħha u fir-raba’ post fil-klassifika ġenerali.

Il-kumplament tal-kontinġent Malti ħa sehem fit-tellieqa Granfondo ta’ 46 kilometru. Din ir-rotta kienet tinkludi telgħa ta’ 1,560 metru u fiha ħadu sehem 450 ċiklist. Il-veteran Patrick Scicluna li jirrappreżenta lil FRM Team Sicilia, ikkompeta fil-kategorija Master 4 li kienet magħmula minn 76 ċiklist. Hu spiċċa t-tielet fil-kategorija tiegħu u fis-37 post fil-klassifika ġenerali. Fost ir-riżultati, Etienne Bonello spiċċa fis-sitt post fil-kategorija tiegħu u fid-29 post fil-klassifika ġenerali, Jason Vella spiċċa t-tmienja fil-kategorija u fis-36 post fil-klassifika ġenerali filwaqt li Clive Ebejer spiċċa fis-seba’ post fil-kategorija tiegħu u fis-47 fil-klassifika ġenerali.

It-tellieqa kienet tagħmel parti mill-punti tal-maratona tal-UCI kif ukoll mill-Mediterranean Challenge li tattira uħud mill-aqwa ċiklisti Ewropej u tikkonsisti f’għaxar tlielaq kollha fi Sqallija. Patrick Scicluna kkompeta fit-tlielaq Noto Granfondo, Etna Extreme, Marathon dei Nebrodi u Etna Marathon. Preżentament hu jinsab fl-14-il post fil-klassifika ġenerali minn 250 ċiklist parteċipant.

Il-Malta Mountain Bike Association se tkun fl-azzjoni l-Ħadd li ġej fit-8.00am f’Selmun għat-tellieqa tas-Serje Nazzjonali Trustmoore Cross Country. Għal aktar informazzjoni tistgħu żżuru s-sit www.maltamountainbike.org.