Il-Kummissjoni Djoċesana Ġustizzja u Paċi ressqet il-proposti tagħha għall-Budget li se jitressaq nhar it-Tnejn 14 ta’ Ottubru.
Hekk kif il-problema tal-faqar f’pajjiżna qed tkompli tgħolli rasha, il-Kummissjoni temmen li hemm ħafna aktar x’jista’ jsir fir-rigward tal-prezzijiet fis-suq tal-kera, li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jogħlew u li qed iwasslu għal “ħaddiema fqar”. F’dan ir-rigward, l-Awtoritajiet huma mitluba jikkunsidraw ċerti soluzzjonijiet bħalma huma l-introduzzjoni ta’ garanziji li jista’ jagħti l-Gvern fuq self fuq proprjetà u t-tnaqqis tal-interessi fuq is-self fuq il-proprjetà meta tinħadem it-taxxa fuq id-dħul.
Il-Kummissjoni tisħaq li jeħtieġ jiġi kkummissjonat studju serju fuq il-qagħda f’Malta dwar individwi li m’għandhomx fejn joqogħdu, li għandu jservi biex wieħed jifhem aktar x’qed iwassal għal din il-problema u x’miżuri jistgħu jittieħdu sabiex din il-problema tiġi indirizzata bl-aktar mod effettiv.
Tħassib ieħor huwa dwar il-lingwaġġ li sfortunatament intuża fid-Dokument ta’ qabel il-Baġit 2020 b’referenza għar-refuġjati u individwi li qed ifittxu l-ażil. Li wieħed jippreżenta sitwazzjoni umanitarja bħala problema ta’ sigurtà nazzjonali hija inkwetanti. Dan jista’ jkollu konsegwenzi serji fuq kif il-poplu jħares lejn din il-kwistjoni. Aġir bħal dan mill-istituzzjonijiet li qed jiggvernawna jista’ jwassal biex ikompli jrewwaħ il-fjammi fuq is-sentimenti xenofobiċi li sfortunatament diġà jinsabu b’saħħithom f’ċerti oqsma tas-soċjetà. Għalhekk il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lill-Gvern sabiex jinstabu akkommodazzjonijiet alternattivi għal dawk l-individwi li qed ifittxu l-ażil.
Fil-qasam tas-saħħa, minkejja l-proposti riċenti li saru fir-rigward tat-titjib tal-faċilitajiet tal-Isptar ta’ Monte Karmeli, il-Kummissjoni hi tal-opinjoni li dan mhux biżżejjed biex ilaħħaq maż-żieda fid-domanda għas-servizzi li qed ikun hawn. Il-Kummissjoni ttenni li għandhom jiddaħħlu servizzi ta’ sapport ta’ saħħa mentali lil dawk il-qraba li qed jagħtu kura lil membri tal-familja.
L-Ambjent huwa settur importanti ħafna għal pajjiżna fejn dal-aħħar xhur kien hemm diskussjoni varju fuq diversi oqsma. Fir-rigward ta’ dan il-kummissjoni ssostni li għandu jkun hemm trasport pubbliku b’xejn fil-ħinijiet fejn it-traffiku jkun l-aktar f’qagħda kritika. Tkun introdotta infrastruttura adegwata u sigura fir-rigward ta’ mezzi alternattivi ta’ transport, jiġu evitati miżuri li jnaqqsu t-traffiku biss għal żmien qasir, isir investiment sabiex jiżdiedu spazji b’siġar u aktar ħdura filwaqt li jiġu infurzati r-regolamenti fuq il-prattiċi fis-settur tal-kostruzzjoni li jnaqqsu t-trabijiet fl-arja.
L-infurzar tal-liġijiet f’ċerti setturi, fosthom: fis-settur tal-kostruzzjoni, dak tad-divertiment u fit-turiżmu, qed ikun anqas milli wieħed jistenna. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Gvern sabiex iniedi sistemi robusti li jissalvagwardjaw il-ħaddiem u li jiggarantixxu mezz sigur u dinjituż kif wieħed jista’ jaqla’ l-għajxien tiegħu.
//= $special ?>