Żagħżugħ li llum għandu 28 sena, li kien ġie kundannat 18-il xahar ħabs mill-Qorti tal-Maġistrati fuq attakka vjolenti fuq il-pudur ta’ turista, kellu s-sentenza tiegħu sospiża mill-Qorti tal-Appell Kriminali minħabba l-fatt li meta wettaq dan ir-reat sesswali tmien snin ilu, kien għad kellu 20 sena.
Jurgen Zahra miż-Żejtun kien ġie kundannat sentenza ta’ ħabs fl-2017 wara li nstab ħati ta’ dan ir-reat fil-konfront ta’ mara Ungeriża. Zahra kien instab ħati attakka lil mara fis-sigħat bikrin tas-26 ta’ Ġunju, 2011, meta kienet miexja fl-inħawi ta’ bejn Paceville u San Ġwann.
Il-vittma kienet miexja fil-mini ta’ Triq Reġjonali, lejn in-niżla li tagħti għal San Ġwann, fl-inħawi ta’ Birkirkara Road meta Zahra, li dak il-ħin kien fis-sakra, kien għaddej bil-karozza, naqqas il-veloċità u ttanta lil mara.
Wara li din injorat l-avvanzi tiegħu fejn dan ipprova jaqbad konverżazzjoni magħha, huwa qabdilha jdejha, iżda rnexxielha taħrab fejn bdiet tgħajjat għall-għajnuna hekk kif bdiet tiġri lejn il-bandli li hemm f’Birkirkara Road, li tiġi eżatt taħt Triq Reġjonali.
Zahra ġera warajha, ta xeba’ u qattala’ ħwejjiġha. L-attakk fuqha waqaf hekk kif numru ta’ persuni li kienu għaddejjin mill-inħawi, ntervjenew. Huwa ma kienx instab ħati ta’ attentat ta’ stupru minħabba li ma kien hemm l-ebda kuntatt ġenitali mal-mara, iżda kien instab ħati fost oħrajn ta’ attakk fuq il-pudur tagħha, li aġixxa b’mod indiċenti u li offenda l-mistħija tas-sess tagħha,
Minbarra s-sentenza ta’ 18-il xahar ħabs, il-Qorti tal-Maġistrati kienet immultat ukoll lil Zahra is-somma ta’ €1,150, kif ukoll kienet ordnatlu biex iħallas għall-ispejjeż tal-Qorti li kienu telgħu għal €1,644.
L-Avukati ta’ Zahra, Franco Debono u Marion Camilleri kienu appellaw mis-sentenza fejn argumentaw li fost affarijiet oħra l-akkużi kienu saru b’mod esaġġerarti, u dan peress li Zahra ‘lanqas ma kien neħħa l-qalziet’ u li l-ġrieħi fuq il-viitma kienu klassifikati bħala ħfief.
F’sentenza ta’ 57 paġna fil-Qorti tal-Appell Kriminali, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ikkonfermat dak kollu li nstab waqt il-proċeduri fil-Qorti tal-Maġistrati, u fuq kollox ma kienitx qablet ma’ ħafna mill-punti tad-difiża, ħlief fejn tidħol il-piena. L-Imħallef iddeċidiet li timponi sentenza anqas iebsa fuq il-fatt li r-raġel ma kellux passat kriminali u li kien għadu żgħir ħafna.
Minkejja li qablet mal-kunsiderazzjonijiet tal-ewwel Qorti fuq il-fatt li dawn ir-reati kienu serji ħafna, u dan li persuna nnoċenti kienet spiċċat sesswalment attakkata mingħajr l-ebda raġuni, xi ħaġa li qalet li hija kundanabbli u mhux aċċettata f’soċjetà ċivili.
Il-Qorti tal-Appell iżda ħadet kunsiderazzjoni u qalet li ma setgħetx tinjora l-fatt li Zahra kien għadu żgħir ħafna, madwar 20 sena, meta kkommetta dawn ir-reati. “Din il-Qorti se tagħti ċans wieħed biss lil Jurgen Zahra u dan sabiex ma jfettilux jikkommetti reati oħra li tagħhom jinstab ħati, reati serji jkunu ta’ liema natura jkunu,” qalet il-Qorti.
Zahra kellu s-sentenza ta’ 18-il xahar ħabs sosopiża għal erba’ snin. Il-multa u l-ispejjeż tal-Qorti baqgħu kif kienu ordnati mill-Qorti tal-Maġistrati filwaqt li Zahra tpoġġa taħt ordni ta’ superviżjoni għall-perjodu ta’ tliet snin.