Lokali

“Slowdown” fis-settur tal-proprjetà

Studju preżentat mid-ditta KPMG u li kien kummissjonat mill-MDA juri bic-car illi l-proprjetà residenzjali qed issir anqas affordabbli, bl-indiċi dwar l-affordabbiltà jerġa’ jinżel għat-tieni sena konsekuttiva – studju li fih innifsu jikkonferma l-islowdown li qed jaffaċċja s-settur tal-proprjetà, fejn id-domanda għall-proprjetà mhux tiżdied, anzi mqabbla ma’ snin oħra, din naqset.

Il-kalkoli f’dan l-istudju huma bbażati fuq il-medja ta’ paga li jaqilgħu n-nies li jgħixu f’pajjiżna, u jekk tikkwalifikax għal ipoteka fuq propjretà bi prezzijiet li nistgħu nsejħu “normali” fis-suq.

Ir-rapport iħares lejn ir-riskji li hemm preżentament fis-settur tad-djar u l-proprjetà, u jikkonferma li hemm żieda fil-prezz tal-proprjetà.

KPMG qalet li l-kera għal proprjetajiet li jitolbu anqas minn €1,000 fix-xahar huma ftit ħafna, u proprjetà li jitolbu anqas minn €600 huma ferm rari.

Fil-messaġġ li wassal tul il-presentazzjoni ta’ dan ir-rapport il-PM Joseph Muscat tkellem fuq ir-regħba li għandhom xi wħud li jistgħu jaffetwaw is-sistema kollha. Iżda fl-ebda punt ma ammetta li s-sitwazzjoni preżenti fis-settur tal-kostruzzjoni hija frott in-nuqqas ta’ pjanar fit-tul – pjanar li hu stess, aktar kmieni din is-sena, iddikjara li ma jemminx fih.

Tajjeb li ngħidu li f’dik li hi xejra li issa ilha konsistenti sa mill-2016, il-prezzijiet tal-propjetà f’pajjiżna qed ikomplu jogħlew. Infatti skont l-aktar statistika ricenti tal-NSO, il-prezzijiet tad-djar f’pajjiża għolew b’6.5% fl-ewwel kwart tal-2019, bl-akbar żieda tkun reġistrata fil-prezz tal-appartamenti.

Din iż-żieda taqbeż iż-żidiet kollha li kien hemm fl-2017 u fl-2018, u hija żieda ferm għola mill-medja taż-żieda fil-pajjiżi Ewropej, li bħalissa hija ta’ 4%.

Iż-żidiet tal-propjetà f’pajjiżna jaqbzu bil-bosta dawk ta’ ħafna pajjiżi oħra Ewropej.