Lokali Unjoni Ewropea

Stennija għall-vot finali aktar tard dan ix-xahar

Il-Kummissarju-Nominat Helena Dalli kisbet iż-żewġ terzi li kellha bżonn mill-kordinaturi tal-Gruppi Politici fil-Parlament Ewropew, u issa ikun jonqosha biss il-vot finali qabel tibda sservi bħala l-ewwel Kummissarju għall-Ugwaljanza.

Jidher illi Helena Dalli kellha reżistenza mill-Konservativi u Riformisti Ewropej, u anki mill-grupp li jġib l-isem Identità u Demokrazija.

Waqt il-grilling Helena Dalli kienet iffacjata b’domandi l-iskandlu tal-Panama Papers, fejn issa qed tghid li dwar dan l-iskandlu, kieku hi kienet taġixxi b’mod totalment differenti.

Dwar dan, il-Partit Nazzjonalista saqsa, x’qed iżomm lil Joseph Muscat milli jneħħi lil Keith Schembri u Konrad Mizzi hekk kif l-iskandlu tal-Panama Papers u n-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern Laburista qed ikompli jħalli impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Dan ghaliex issa…anke eks-Ministru fil-Kabinett tiegħu stess, Helena Dalli, qed tinsisti ma’ Joseph Muscat li hi kienet tagħmel l-affarijiet ferm differenti.

Intant fi stqarrija separata, il-Partit Nazzjonalista qal illi ħadem bi sħiħ fuq livell Ewropew biex jikseb appoġġ għall-Kummissarju magħżula mill-Gvern, u kien għalhekk li appoġġja l-kandidatura tagħha.

Issa jmiss li fl-aħħar ta’ Ottubru fi Strasburgu, l-MEPs jiehdu l-vot finali tagħhom fuq il-kompożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li se titmexxa minn Ursula von der Leyen.