Hemm bżonn li l-pajjiżi tal-Mediterran jingħaqdu b’messaġġ wieħed u b’saħħtu ħalli l-piż tal-immigrazzjoni irregolari jinqasam bejn il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dan kien l-appell tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa ta’ kortesija ma’ Dimitrios Tsoungas, l-Ambaxxatur Grieg għal Malta, fid-Dar Ċentrali tal-Partit.
Adrian Delia qal li l-immigrazzjoni qed tkun ta’ pjaga, partikolarment għall-pajjiżi fil-Mediterran. Madankollu, ftit li xejn qed naraw impenn mill-kumplament tal-pajjiżi Ewropej biex il-piż jinqasam b’mod xieraq.
Tal-istess idea kien l-Ambaxxatur Grieg, li rrikonoxxa kif, bħala pajjiżi Mediterranji, għandna ħafna sitwazzjonijiet x’naqsmu bejnietna – negattivi bħall-immigrazzjoni, daqskemm pożittivi bħas-Sajf twil li jġib miegħu aktar turiżmu minħabba t-temp Mediterranju.
Dimitrios Tsoungas qal li kemm ilu f’Malta, anke qabel ma nħatar Ambaxxatur għal pajjiżu, mill-ewwel ħassu daqslikieku jinsab f’daru. Dan anke minħabba l-istil ta’ ħajja simili tan-nies taż-żewġ pajjiżi.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici u s-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Roselyn Borg Knight.
//= $special ?>