Internazzjonali

Boris Johnson: Qorti fl-Iskozja tikkunsidra ‘possibbiltà ta’ ħabs’ 

Ritratt: Business Insider

Il-Qorti Suprema Ċivili tal-Iskozja mistennija tikkunsidra jekk il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, jistax jiskonta perjodu ta’ ħabs f’każ li joħroġ il-pajjiż mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim.

Dan meta — skont l-isfida legali quddiem il-Court of Session f’Edinburgh – irid ikun deċiż jekk Johnson għandux ikun sfurzat li jipposponi Brexit f’każ li ma jintlaħaqx ftehim mal-Unjoni. Min-naħa tiegħu, Johnson kien ikkwotat, jiem ilu, li ‘jippreferi jinstab mejjet’ milli jitlob estensjoni ġdida għal Brexit lill-Mexxejja tal-Unjoni.

Il-każ tal-qorti se jipprova jistabbilixxi ‘x’jista’ iseħħ’ f’każ li Johnson jirrifjuta li jieħu azzjoni. Hemm ukoll possibbiltà li l-qorti, effettivament, tiffirma ittra ‘għan-nom ta’ Boris Johnson’ lill-mexxejja Ewropej li titlob ċar u tond estensjoni ġdida għal Brexit.

L-azzjoni legali qed issir fuq l-inizjattiva tad-deputat tal-Partit Nazzjonali Skoċċiż, Joanna Cherry; Dale Vince, negozjant ewlieni u Jo Maugham;  espert dwar il-liġi tat-taxxa. Huma jridu li l-Court of Session tiddeċiedi safejn Johnson hu marbut bil-leġislazzjoni li għaddew id-deputati fl-Oppożizzjoni u li tirrikjedi biex il-Gvern jitlob estensjoni għad-deadline ta’ Brexit f’każ li l-House of Commons ( f’Londra) ma jkunx iffirma ftehim sad-19 ta’ Ottubru.

Il-Gvern tar-Renju Unit insista li qed jikkonċentra fuq ftehim ‘finali’ mal-UE biex jaċċerta li l-pajjiż iħalli l-Unjoni fil-31 ta’ Ottubru. Iżda, fl-istess ħin, il-Gvern qed jgħid li l-unika alternattiva tinvolvi ‘no-deal Brexit’.

Intant, fil-preżent, qed jinstemgħu l-argumenti dwar ‘il-konsegwenzi’ f’każ li l-Prim Ministru Britanniku ma jitlobx estensjoni għal Brexit fin-nuqqas ta’ftehim mill-Parlament. Dan fost suġġerimenti li ‘jistgħu jkunu applikati pieni li jvarajaw minn multa sa priġunerija’.

Il-Qorti fl-Iskozja għandha tiddeċiedi dwar il-parti inizjali tal-każ nhar it-Tnejn u, wara, panel ta’ imħallfin se jikkunsidra jekk il-qorti tużax il-poter ta’ ‘nobile ufficium’ biex, effettivament, tiffirma ittra ‘li qed jirrifjuta għaliha Johnson’ lill-mexxejja Ewropej.

Sadanittant, l-UE – minkejja li miftuha ghall-proposti l-godda ta’ Johnson — xorta għadha mhix konvinta minn dak li qed jipproponi l-Prim Ministru Britanniku.

Dan kien ikkonfermat mill-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, meta l-pjan il-gdid ifisser li l-Irlanda ta’ Fuq tibqa’ fis-suq Ewropew tal-kummerc, filwaqt li tispiċċa mill-Unjoni Doganali. Dan, fih innifsu, ifisser li Johnson ma solva xejn mis-sitwazzjoni delikata ta’ kif se jitratta l-fruntiera bejn ir-Repubblika Irlandiza u l-Irlanda ta’ Fuq.