Lokali Qorti

Ħabs għal raġel li wettaq għadd ta’ serqiet minn karozzi

Numru ta’ serqiet minn diversi karozzi wasslu biex raġel ta’ 27 sena mil-Gżira, li ma jaħdimx jispiċċa l-ħabs fejn se jkollu jservi terminu ta’ tliet snin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Marphil Gauci ammetta quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke wara li ġie akkużat bis-serq li ilu sejjer fuq perjodu ta’ tliet xhur, bil-valur tas-serq jaqbeż l-€2,329.

Gauci kien akkużat li seraq mobajl minn karozza pparkjata fil-Gżira fit-8 ta’ Awwissu li għadda u xahar wara reġa’ seraq affarijiet personali minn karozza li kienet ipparkjata l-Imsida.

Huwa ġie mixli wkoll li għamel ħsara fuq żewġ karozzi oħra, waħda minnhom riċentement nhar il-Erbgħa filgħodu. L-Ispettur Jonathan Ransley, li ressaq lil Gauci esebixxa numru ta’ oġġetti li nstabu fil-pusses tal-ħati, li kienu jinkludu oġġetti misruqin, u apparat li jkisser it-twieqi tal-karozzi.

Ġie esebit ukoll filmat minn CCTV camera li ntuża għall-investigazzjoni. Il-Gżirjan ammetta wara li kkonsulta mal-Avukat tal-Għajnuna Legali Martin Fenech.

Huwa kkonferma l-ammissjoni tiegħu ta’ ħtija anke wara li ġie mwissi mill-Qorti li r-reati li wettaq jistgħu jfissru sentenza ta’ diversi snin il-ħabs. Wara li qieset kollox, il-Qorti, inkluż l-ammissjoni bikrija kkiundannat lil Gauci għal tliet snin ħabs.