Lokali

Il-kompetittività tal-pajjiż tinsab mhedda

Il-Kamra tal-Kummerċ identifikat numru ta’ fatturi li qed iwasslu għal theddid fil-kompetittivita’ tal-pajjiż.

Fi stqarrija li fiha ippreżentat il-proposti tagħha għall-budget 2020, il-Kamra tal-Kummerċi semmiet fost oħrajn l-għoli tal-ħajja u l-prezzijiet tal-kirjiet, iż-żieda qawwija ta’ nies fis-servizz pubbliku u ż-żieda fl-allowances tal-leave huma fatturi li jaffettwaw l-ispiża tax-xogħol.

Għal dan il-għan, il-Kamra tal-Kummerċ irrakkomandat li ssir:

  • analiżi urġenti tal-inflazzjoni fil-pagi meta mqabbla mal-produttivita’.
  • tibdil fis-sistema edukattiva biex tipprepara l-istudenti għax-xogħol ta’ għada li se jkunu inqas intensivi u iktar ibbażati fuq teknoloġija. Il-Privat għandu jassisti billi joffri iktar opportunitajiet ibbażati fuq esperjenza diretta fuq il-post tax-xogħol u s-sistema tal-istipendji għandha tintuża biex il-pajjiż jattira iktar studenti lejn korsijiet li huma iktar meħtieġa fl-ekonomija tal-futur.
  • Il-Gvern ghandu jagħmel stħarriġ urġenti fis-settur pubbliku hu jidentifika fejn għandu ħaddiema żejda jew nieqsa.
  • joħroġ inċentivi fiskali lil employers li jattiraw persuni mis-servizz pubbliku biex jaħdmu fis-settur privat.
  • Li s-sistema taċ-Child-care tkun estiża għal ħaddiema li jaħdmu fuq bażi ta’ shift biex ikunu attirati iktar nisa lejn id-dinja tax-xogħol.
  • Li jkunu attirati persuni li għadhom inattivi fl-ekonomija permezz ta’ inċentivi fiskali talli irritornaw fid-dinja tax-xogħol.
  • Li jissaħħaħ l-operat ta’ Identity Malta biex jipproċessa il-volum qawwi ta’ applikazzjonijiet għal permessi tax-xogħol lil ħaddiema barranin.

Fil-jiem li ġejjin, il-Kamra tal-Kummerċ se toħroġ iktar rakkomandazzjonijiet, b’mod partikolari fuq trasport alternattiv, riformi fil-qasam tal-kostruzzjoni u kirjiet, is-servizzi finanzjarji u l-innovazzjoni.