Internazzjonali

Il-Libja: Jgħidu li l-immigranti illegali ‘naqsu drastikament’ mill-bidu tas-sena

L-ammont tal-immigranti illegali – 7,036 – li nstabu mill-gwardjani tal-kosta Libjani bejn l-Ewwel ta’ Jannar u l-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena hu 43 fil-mija anqas mill-immigranti li nstabu fl-istess perjodu taż-żmien, fl-2018.

Dan qaluh kelliema għall-qawwiet tal-baħar mal-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali bażat fi Tripli u meta n-numri tal-imwiet u neqsin fost l-immigranti waqt il-vjaġġi fil-Mediterran ‘ukoll irreġistraw tnaqqis simili’ fuq is-sena ta’ qabel.

B’kollox, din is-sena, kienu salvati 6,835 immigrant.

Dan meta ħdax il-katavru ta’ immigranti kienu rkuprati mill-baħar b’kuntrast għat-88 katavru rkuprati ‘waqt l-istess perjodu’, fl-2018.

Intant, din is-sena kienu rappurtati 190 persuna nieqsa waqt il-vjaġġi bil-baħar, meta – bejn l-Ewwel ta’ Jannar u l-aħħar ta’ Settembru tal-2018 – l-immigranti neqsin fil-Mediterran kienu jammontaw għal 325.

Madankollu, din il-ġimgħa, il-qawwiet tal-baħar Libjani komplew xorta jsalvaw lill-immigranti ‘il hinn mil-Libja.

Kelliema għan-Navy Libjana qalu li 31 immigrant illegali – fil-parti kbira mis-Sudan, il-Kosta tal-Ivorju u Chad – kienu salvati minn dinghy ‘il hinn mix-xatt ta’ Sabratha. L-immigranti ngħataw l-għajnuna medika meħtieġa qabel kienu trasferiti lejn ċentru tad-detenzjoni f’Al-Zawija.

Kien hemm ukoll sitwazzjoni fejn il-patrols tal-qawwiet tal-baħar Libjani ħelsu ‘il fuq minn 70 immigrant ‘il barra minn Al-Khums – u meta, imbagħad, ħelsuhom peress li l-ebda awtorità ma wieġbet għas-sejħa biex l-immigranti jingħataw akkomodazzjoni fiċ-ċentri għall-immigrazzjoni fil-belt partikulari.

Sadanittant, il-Libja ċaħdet rapport tal-UNHCR – l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati – dwar l-għarqa tan-nies wara li nqalbet dgħajsa, b’50 immigrant, ‘il hinn mill-kosta Libjana.