Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha bħala Qorti Kostituzzjonali ma laqgħetx talba li l-Pulizija u l-Prosekuturi kienu qegħdin jiksru d-drittijiet tal-persuni akkuzati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia minħabba li dawn naqqsu li jitlobu lill-familja tal-ġurnalista biex tagħtihom il-laptop tagħha.
Avukat li qed jidher għal wieħed mill-akkużati Alfred Degiorgio kien fetaħ każ kontra l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali fil-Qorti fejn argumenta li l-Kummissarju tal-Pulizija naqas li jipproduċi l-evidenza kollha disponibbli għalih u li anke l-Maġistrat ta’ Inkjesta fil-każ wkoll ma għamilx l-ebda nsistenza fuq dan il-laptop.
L-Avukat ta’ Degiorgio, William Cuschieri, ippreżenta proċeduri Kostituizzjonali u argumenta li li huwa ta’ mportanza li l-laptop ikun analizzat u dan ħaliex jista’ jikkontjeni nformazzjoni sensittiva fuq terzi persuni responsabbli mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Huwa qal li l-Pulizija kienu qegħdin ifallu mill-obligazzjoni u r-responsabbilità tagħhom li jiġbru l-provi kollha kemm favur u kontra l-akkużat, u akkuża lill-Kummissarju tal-Pulizija li ‘m’għamel xejn u mhuwa qed jagħmel xejn fil-preżent’ biex jikseb dan il-laptop.
Huwa akkuża wkoll lill-Avukat Ġenerali li ‘m’għamel xejn biex jiżgura li l-evidenza esebita minnu u l-Kummissarju tal-Pulizija għandha tkun kollha u komplera u mhux parzjali u selettiva’.
Huwa qal ukoll li l-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ inkjesta kriminali ma għamlet xejn biex tal-anqas tagħmel talba lill-investigatur tal-Pulizija, l-Ispettur Keith Arnaud, li qed jgħid li l-lap top ta’ Caruana Galizia ma nstabx u li x’aktarx li ma nstabx minħabba li huwa huma mifhum li jinsab fil-pusses tal-familja tagħha.
Il-laptop, li l-familja ta’ Caruana Galizia qed tgħid li ma tridux jispiċċa f’idejn l-awtoritajiet Maltin, kien ġie mgħoddi lill-awtoritajiet Ġermaniżi minflok. Fis-sentenza tiegħu l-Imħallef Mark Chetcuti qal li l-azzjoni li ttieħdet minn Degiorgio, hija prematura ħafna.
F’dan l-istadju li fih qed isir l-ilment għad ma hemm l-ebda ħtija jew innoċenza tal-akkużati u li l-evidenza għadha qed tinġabar. Il-Qorti qalet li ma hemm l-ebda ostaklu biex wieħed jitlob lill-Qorti tuża’ l-poteri tagħha kollha…biex b’mezzi legali l-provi jiġu prodotti biex jiġu stabbiliti l-fatti.
F’dan l-istadju għadu kmieni wisq biex tgħid li hemm evidenza li messha ġiet preċentata jew li għadha ma ġietx, u jekk dan in-nuqqas huwa falliment biex jikkawża ksur ta’ drittijiet. Il-Qorti żiedet tgħid li Degiorgio mhuwiex isofri minn xi preġudiuzzju f’dan l-istadju meta huwa stess m’għandux idea x’fih il-laptop u kif jista’ jgħin fil-każ tiegħu. Għalhekk tali talba hija prematura, qal l-Imħallef Chetcuti.
Kompla jgħid li sa dan l-istadju ma jistax jingħad, anke b’mod remot, li l-Pulizija jew il-Qrati qegħdin jinfrinġu fuq id-dritt ta’ smigħ xieraq. Tenna li l-każ għadu biss fl-istadju ta’ kumpilazzjoni u l-ebda deċiżjoni mhija qeda tikser xi drittijiet tal-akkużat.
Il-fatt li llum hemm att ta’ akkuża ma jfissirx li hemm xi ostakolu għal
Degiorgio biex jitlob lill-Qorti Kriminali tiżgura li l-evidenza kollha tiġi esebita, rrimarka l-Imħallef. In-nuqqas li jiġu utilizzati dawn ir-rimedji ordinarji ma jistgħux jiġu sostitwiti mill-kawża Kostituzzjonali, qal l-Imħallef.
Degiorgio jista’ jagħmel talba biex jiġi esebit il-laptop permezz ta’ meżżi oħra taħt il-Kodiċi Kriminali, qalet il-Qorti, u dan jinkludi applikazzjoni maħlufa lill-Maġistrat tal-Għassa biex tinfetaħ inkjesta Maġisterjali biex il-laptop inkwistjoni jiġi preżervat.
//= $special ?>