Mil-lejla tibda sensiela oħra ta’ Replay Preview fuq NET Television. Din se tkun il-ħames sena konsekuttiva ta’ dan il-programm sportiv dwar il-futbol lokali b’differenza li jixxandar kull nhar ta’ Ġimgħa fid-9.30pm sal-11.00pm. Replay Preview iservi ta’ gwida u preludju għall-partiti kollha ta’ tmiem il-ġimgħa mill-Kampjonat Premier u l-Kampjonati l-oħra tad-diviżjonijiet tal- Malta Football Association, filwaqt li jkun hemm servizzi riċerkati mill-passat tal-futbol Malti.
Fil-programm tal-lum, ippreżentat minn Sarah Agius, se nsegwu servizzi speċjali dwar il-partiti l-oħra ta’ tmiem il-ġimgħa mis-sitt ġurnata tal-Kampjonat Premier, b’aċċenn speċjali fuq il-partita ta’ għada s-Sibt bejn Hibernians FC u Birkirkara FC. Nitkelmu mal-kowċis rispettivi filwaqt li se jkun servizz speċjali mis-sensiela ‘Eku tal-Passat’ li se jkun abbinat ma’ din il-partita. Il-partita magħżula mill-passat hi dik ta’ nhar il-Ħadd, 24 t’April 2016 fejn Birkirkara kien għelbu lil Hibernians 2-1 b’gowl deċiżiv fid-90 minuta skorjat minn Edmond Agius għall-Istripes u li fisser ir-rebħ tal-Kampjonat Premier għal Valletta.
Mis-serje ta’ intervisti fir-rokna ‘X’Sar Minnhom?’, fl-ewwel programm tas-sensiela l-ġdida, Christian Micalleff se jkun qed jiltaqa’ mal-eks referee tal-FIFA, Chris Lautiert.
Replay Preview qed jitwassal bl-appoġġ ta’ IZIBET, Bavaria Malta, Floors Of Stone, Paparazzi 29 Restaurant, GasanMamo Insurance, Lynx Malta, Dove, Churchill Master Butchers u Weetabix Protein.