Lokali

Inqas minn 48 siegħa mid-dikjarazzjoni ta’ Helena Dalli

Il-Ministru tat-Toroq Ian Borg ħarab milli jwieġeb jekk jaqbilx mal-istqarrija skjetta li tat l-eks Ministru Laburista Helena Dalli fil-Parlament Ewropew … jiġifieri li kieku, hi kienet taġixxi b’mod differenti għall-fatt li Ministru ieħor u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru kienu nvoluti fl-iskandlu tal-Panama Papers.

Minflok, hu pprova jnaqqas l-importanza ta’ stqarrija serja bħal din u, meta ssikkat biex jikkumenta, irrefera biss għat-tweġibiet ta’ Konrad Mizzi, filwaqt li insista illi hu jwieġeb kif irid hu. (

Anke l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici inħeba wara t-tweġibiet ta’ Konrad Mizzi, minkejja li kien mistoqsi direttament jekk il-Ministru kollega tiegħu u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri kellhomx jitneħħew mill-karigi tagħhom. Dan biex tkun ikkonfermata l-istqarrija ta’ Muscat stess fuq Twitter meta approva dak li qalet Helena Dalli.

U minkejja l-kritika li dan l-iskandlu kien ġab miegħu, fil-konfront tal-Gvern ta’ Muscat, is-Segretarju Parlamentari għall-Kunsilli Lokali Silvio Parnis baqa’ jiddefendi lill-Prim Ministru.

It-tweġibiet xotti li qed jagħtu d-diversi membri tal-Kabinett ghad-domandi ta’ NET News juru l-pożizzjoni skomda li dawn qed isibu ruħhom fiha minħabba l-ftuħ tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama minn Konrad Mizzi u Keith Schmebri, kif ukoll l-atti ta’ impunità minn Muscat fil-konfront taż-żewġ persuni qrib tiegħu.