Raġel ta’ 34 sena mill-Bangladesh ammetta fil-Qorti u ġie kundannat tliet xhur ħabs sospiżi għal sena li kellu fil-pusses tiegħu ponn tal-ħadid. Huwa ammetta li hekk kif wasal Malta kellu din l-arma wara li tressaq akkużat taħt l-Att li jirregola l-armi.
Ahmed Foyez ġie nterċettat mill-Pulizija fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta u ġie mixli li mporta arma pprojbita. L-Avukat tal-għajnuna legali Martin Fenech li deher għall-akkużat ammetta l-akkużi wara li kkonsulta mal-klijent tiegħu.
Fis-sottomissjonijiet tiegħu dwar il-piena l-Avukat Fenech qal li l-akkużat ma kienx jaf li l-arma kienet fil-baskett tiegħu peress li din tpoġġiet hemm minn persuna li tiġi minnu biex din tingħata lil xi ħadd ieħor.
Qal li l-arma nniffisha hija waħda żgħira, mhux pistola, fejn qal li hija anqas perikoluża minn sikkina jew arma tan-nar. Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Frankie Sammut issuġġeriet li Foyez għandu jintbagħat lura pajjiżu wara li jservi s-sentenza.
Il-liġi qal l-Ispettur Sammit tgħid li l-piena għal reat bħal dan hija bejn tliet xhur u tliet snin ħabs. Il-Maġistrat Doreen Clarke ikkundannat lir-raġel tliet xhur ħabs sospiżi għal sena, u wissietu li jekk jerġa’ jikkommetti reat ieħor waqt dan il-perjodu f’xi pajjiż tal-Unjoni Ewropea, huwa jiġi kundannata għal dak ir-reat u tliet xhur oħra magħhom.
Il-Qorti ordnat il-konfiska tal-ponn tal-ħadid u skwalifat lil Foyez milli jkollu xi liċenzja tal-armi għall-perjodu ta’ ħames snin. Huwa issa mistenni jiġi deportat minnufih.
//= $special ?>