Internazzjonali

L-Ekwador: Emerġenza fost il-protesti dwar żidiet fil-prezz tal-fuel

Il-Gvern tal-Ekwador iddikjara stat ta’ emerġenza wara li d-dimostranti ħarbtu s-servizzi tat-trasport madwar il-pajjiż bi protesta dwar iż-żidiet fil-prezz tal-fuel.

Il-President tal-Ekwador, Lenin Moreno, qal, sadattant, li kien impona l-miżura biex jaċċerta s-sigurtà taċ-ċittadini u jevita l-kaos.

Madankollu, id-dimostranti huma rrabjati għad-deċiżjoni ta’ Moreno biex iwaqqaf is-sussidji għall-fuel, li kienu ilhom validi għal 40 sena, bl-argument li l-pajjiż ma jistax jaffordja aktar il-miżura li qed ittaffi l-piż għall-poplu.

Is-sussidji fuq il-fuel jiswew lill-Gvern tal-Ekwador l-ekwivalenti ta’ aktar minn biljun ewro fis-sena. Intant, mistenni, issa, li l-prezzijiet tad-diesel u l-petrol fil-pajjiż Latin Amerikan għandhom jitilgħu b’aktar mid-doppju.

L-azzjonijiet fl-Ekwador qed jinvolvu kważi s-setturi kollha tas-soċjetà, bl-istudenti u l-ħaddiema fil-qasam tat-trasport ikunu fost il-protagonisti.

Dan waqt li s-sewwieqa tat-taxis, it-trakkijiet u l-karozzi tal-linji imblukkaw it-toroq u l-pontijiet fi Quito, il-belt kapitali tal-Ekwador, bit-trasport (anki) jibqa’ wieqaf għal sigħat fil-belt ta’ Guayaquil.

Inqalgħu anki l-konfronti bejn dimostranti u pulizija, b’tal-aħħar jisparaw il-gass tad-dmugħ biex iferrxu lill-folol. Numru ta’ dimostranti ħarqu r-roti fit-toroq waqt li garaw l-oġġetti lejn il-karrijiet armati tal-pulizija – bil-President Moreno, wara, jikkundanna ‘dawn l-azzjonijiet inaċċettabbli’.

Il-Ministeru għall-Intern tal-Ekwador, issa, qal li spiċċaw arrestati ’l fuq minn 20 dimostrant b’konnessjoni mal-inċidenti vjolenti.