Sport Sport Ieħor

Murray eliminat mal-aħħar tmienja minn Thiem fl-Open taċ-Ċina

(Ritratt: EPA)

Dominic Thiem għeleb lil Andy Murray 6-2, 7-6 biex għadda għas-semifinali tal-Open taċ-Ċina. Murray li kien qed jilgħab fl-ewwel kwarti tal-finali f’kompetizzjoni ATP għal aktar minn sena, ftit kellu risposti għal-logħob ta’ Thiem. Thiem wara li rebaħ l-ewwel set, kien aktar preċiż fil-logħob tiegħu. Minkejja li għamel double fault waqt li kien 5-3 minn fuq fit-tieni set, l-Awstrijak iddomina t-tie-break biex għalaq il-logħba.

B’din ir-rebħa, Thiem jinsab rebħa bogħod milli jassigura postu fl-ATP World Tour Finals f’Londra x-xahar id-dieħel. Murray li kien qed jilgħab kontra tennist mal-ewwel 10 għall-ewwel darba minn meta għamel l-operazzjoni f’ġenbu, kellu 29 winner fil-logħba.

Iżda Thiem kien superjuri bi 48 mis-70 punt li rebaħ jaslu qrib in-net. Hu għamel 16-il unforced error iżda kellu seba’ aces u kiseb żewġ terzi tas-service. Thiem li kiseb tliet titli ATP dan l-istaġun, jilgħab kontra Karen Khachanov fis-semifinali.