Rugby Sport

FILMAT: Tkeċċija ta’ Lovotti twitti t-triq għal rebħa kbira tal-Afrika ta’ Isfel fuq l-Italja

L-Afrika ta’ Isfel baqgħet tittama li tikkwalifika għall-kwarti tal-finali tat-Tazza tad-Dinja b’rebħa kbira fuq l-Italja bl-iskor ta’ 49-3 biex b’hekk kisbu punt żejjed. Cheslin Kolbe u Mbongeni Mbonambi skorjaw tries u żewġ conversions flimkien ma’ penalty ta’ Handre Pollard, daħħlu lill-Afrika ta’ Isfel tistrieħ 17-3 fil-vantaġġ.

Il-logħba prattikament intemmet meta Andrea Lovotti tkeċċa mir-referee Wayne Barnes kmieni fit-tieni taqsima meta qabad lil Duane Vermeulen li jilgħab bħala number 8 u niżżlu fl-art minn rasu. Din kienet ir-raba’ karta ħamra f’din it-Tazza tad-Dinja, l-istess ammont bħall-edizzjonijiet tal-1995 u l-1999.

Minn hemm Kolbe għamel try ieħor, biex Lukhanyo Am, Makazole Mapimpi, RG Snyman u Malcolm Marx għamlu try kull wieħed hekk kif l-Afrika ta’ Isfel marret fil-quċċata ta’ Pool B. Is-Springboks jafu li r-rebħa kontra l-Kanada t-Tlieta li ġej tfisser kwalifikazzjoni mill-grupp hekk kif l-Italja tilgħab kontra ċ-champions tad-dinja New Zealand is-Sibt 12 ta’ Ottubru.

(Ritratt: EPA)