Lokali

Wara l-isfreġju ambjentali jgħidu li l-ambjent prijorità

Fid-dawl tal-kritika minn eluf ta’ Maltin u Għawdxin għall-mod kif il-Gvern Laburista qed iqaċċat u jeqred għalkollox għexieren ta’ siġar bl-iskuża li jrid iwessa’ t-toroq, is-Segretarju Parlamentari għall-Kunsilli Lokali Silvio Parnis qal li għal dan il-Gvern, l-Ambjent hu prijorità.

Hu kien qed jitkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar kemm il-Gvern wettaq dak li wiegħed fil-Budget għal din is-sena. Ħdejh kien hemm ukoll il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici.

Silvio Parnis qal li l-Gvern jemmen fil-Kunsill Lokali. Dan meta, qabel l-elezzjonijiet ta’ Mejju li għadda, il-Prim Ministru Joseph Muscat innifsu ddikjara li l-Kunsilli qatt ma kienu xi super favoriti tiegħu.

Barra minhekk, kien dan il-Gvern li bidel il-Liġi tal-Kunsilli Lokali b’tali mod li l-elezzjonijiet għalihom jibdew isiru kull ħames snin. Dan kien wassal biex żewġ sensiliet ta’ elezzjonijiet lokali kellhom jiġu posposti, b’Kunsilli Lokali f’għadd ta’ lokalitajiet saħansitra spiċċaw b’terminu ta’ seba’ snin.

Saħansitra qal ukoll li l-Gvern qed isaħħaħ il-Kumitati Amministrattivi, għalkemm naqas milli jgħid li l-istess Gvern ippospona l-elezzjonijiet għal dawn il-Kumitati darbtejn.

U minkejja li l-konferenza tal-aħbarijiet kienet dwar dak li suppost wettaq il-Gvern mill-Budget, ftaħar ukoll b’affarijiet li bdew jitwettqu minn Gvernijiet Nazzjonalisti – bħas-servizz ta’ wifi b’xejn fil-pjazez tal-lokalitajiet u anke l-Vot 16, li llum dahal fis-seħħ wara li kien oriġinarjament propost mill-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici faħħar skemi li daħlu fis-seħħ matul din is-sena wara li tħabbru fil-Budget mill-Ministru tal-Finanzi. Madankollu, hu ma semmiex il-ħemel ta’ taxxi u piżijiet oħrajn li ta’ kull sena jiddaħħlu matul is-sena u minkejja li ma jissemmewx fil-Budget – bħall-għadd ta’ prodotti bażiċi li għolew matul din is-sena.

Hu temm billi ftaħar li fuq kollox, dan il-Gvern għandu track record li jitkellem għalih.