Il-pressjoni tinsab fuq Birkirkara biex jiksbu l-ewwel rebħa tal-kampjonat, hekk kif illum jaffrontaw lil Hibernians, f’dik li hi l-aħjar logħba ta’ tmiem il-ġimgħa mis-sitt ġurnata tal-Kampjonat Premier. Birkirkara akkwistaw total ta’ 12-il plejer matul is-sajf, iżda minkejja dan l-investiment, jinsabu fil-pożizzjoni ta’ qabel tal-aħħar bi tliet punti biss wara ħames logħbiet. Hibernians ukoll kellhom xi tibdil speċjalment fil-barranin, bit-tim immexxi minn Stefano Sanderra kiseb sa issa tliet rebħiet, draw u telfa.
Hibernians għandhom ukoll rekord pożittiv kontra Birkirkara fl-aħħar konfronti fil-kampjonat. Fl-aħħar żewġ staġuni, il-Pawlisti rebħu l-erba’ konfronti fil-kampjonat, bl-aħħar rebħa ta’ Birkirkara fil-kampjonat tmur lura għat-23 ta’ April tal-2017 meta dakinhar kienu rebħu 2-0.
Santa Lucia v Senglea Athletic
Santa Lucia sofrew l-ewwel telfa l-ġimgħa l-oħra u se jfittxu ritorn għar-rebħ biex jibqgħu fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika. Huma għandhom punt aktar minn Senglea, tim li ġej minn żewġ telfiet konsekuttivi. Iż-żewġ timijiet kienu deskritti li se jissieltu kontra r-relegazzjoni qabel l-istaġun u għalhekk dan għandu jitqies konfront dirett, bit-timijiet iż-żgħar qed jippruvaw jiksbu biżżejjed punti fil-bidu. Din il-logħba tista’ titqies bħala fost l-aktar bilanċjati fi tmiem il-ġimgħa.
Balzan v Gudja United
Il-pressjoni tinsab fuq Balzan wara bidu diffiċli. It-tim ta’ Jacques Scerri kiseb erba’ punti biss sa issa f’kalendarju diffiċli, iżda ġejjin minn żewġ telfiet konsekuttivi li fihom naqsu jiskorjaw ukoll. Gudja fetħu l-kampjonat b’erba’ draws fl-ewwel avventura fil-Premier, iżda fl-aħħar logħba naqsu li jieħdu vantaġġ minn superjorità numerika għal ħin twil kontra Floriana. Il-kowċ Josef Mansueto jista’ jittama li t-tim ikollu prestazzjonijiet simili bħal kontra Hibernians u Ħamrun Spartans.
Ħamrun Spartans v Mosta
Preżentament jeżisti ottimiżmu fil-klabb ta’ Ħamrun Spartans wara l-bidu pożittiv li kellhom hekk kif jinsabu jaqsmu l-quċċata ma’ Floriana. Il-Ħamruniżi taħt it-tmexxija ta’ Manuele Blasi, kisbu l-punti mingħajr ħafna daqqa ta’ trombi, iżda f’konfront bħal dan, il-pressjoni tiżdied minħabba li se jibdew favoriti. Iżda l-Ispartans huma konxji li mhux se jkollhom logħba faċli, speċjalment jekk Mosta jirrepetu l-prestazzjoni tal-istaġun li għadda kontrihom. Il-Mostin fiż-żewġ logħbiet tal-istaġun li għadda, spiċċaw 0-0 u rebħu 1-0 fit-tieni rawnd. Mosta kisbu punt fl-aħħar erba’ logħbiet u għalhekk żgur li se jinżlu biex jiġbru l-punti.
Sliema Wanderers v Sirens
Meta wieħed iħares lejn iż-żewġ timijiet, Sliema Wanderers jitqiesu favoriti li jirbħu, iżda l-klassifika bħalissa qed tgħid mod ieħor. Sirens kienu wieħed mit-timijiet sorpriża sa issa hekk kif b’logħob pożittiv kisbu 10 punti. Sliema jidhru tim modest tipiku tal-aħħar snin u għandhom ħames punti minn ħames logħbiet. Is-Slimiżi jittamaw li jkomplu jibnu fuq l-aħħar logħbiet, hekk kif mhux megħluba fl-aħħar tliet logħbiet.
Floriana v Tarxien Rainbows
Tarxien Rainbows għandhom missjoni diffiċli biex jiksbu l-ewwel punti fil-kampjonat. Floriana jista’ jitqies l-aktar tim li impressjona sa issa, b’difiża solida filwaqt li b’xi mod il-gowls qed jaslu għalkemm mhux bil-kwantità. Huma għandhom l-aħjar difiża, xi ħaġa li Tarxien jittamaw li jsibu tarf. Il-futur taż-żewġ timijiet hu pjuttost differenti hekk kif Floriana għandhom konfronti kontra Sirens, Senglea u Mosta filwaqt li Tarxien ikun imisshom kontra Balzan, Valletta u Gżira.
Logħob li jmiss
Illum: Stadium Nazzjonali: Balzan v Gudja United 3.00pm, Hibernians v Birkirkara 5.00pm, Centenary Stadium: Santa Lucia v Senglea Athletic 3.00pm Sliema Wanderers v Sirens 5.15pm
Għada: Stadium Nazzjonali: Floriana v Tarxien Rainbows 3.00pm, Ħamrun Spartans v Mosta 5.00pm
//= $special ?>