Futbol Sport

Draw ġust f’partita bilanċjata

(Ritratt: Trevor Sollars)

Rapport: Rowen Camilleri

SANTA LUCIA…………….. 0 SENGLEA ATHLETIC………….. 0

S. Lucia: R. Caruana, G. Mentz, D. Mendoza, M.Santana (N. Micallef 75’), D. Segura, K.Rosero, J. Walker, D. Agius, F. Zuniga, J. Zerafa (N. Borg 83’), R.Tachikawa (L. Galea 87’)

Senglea: A. Curmi, S. Olberkis, D. Debono, E. Sayki, M. Micallef, G. Virano (D. Xuereb 64’), T. Marikawa, J. Teixeira, J. Tanti (A. Spiteri 76’), S. Cipriott (W. Zamble 72’), M. Dias

Imwissija: S. Cipriott 17’, E.Sayki 42’, G. Virano 44’ (Se), G. Mentz 19’, F. Zuniga 59’, N. Micallef 86’ (Sl)

Tkeċċa: G. Mentz 85’ (Se)

Referee: Matthew Degabriele

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri u Mark Ciantar

Il-Mument Plejer tal-logħba: Taisei Marukawa (Senglea Athletic)

BOV Plejer tal-logħba: Taisei Marukawa (Senglea Athletic)

F’partita bilanċjata bejn żewġ timijiet li t-tnejn li huma kienu ġejjin minn telfiet, Santa Lucia u Senglea Athletic ħadu punt kull wieħed fi draw ta’ mingħajr gowls fl-ewwel partita tal-bieraħ fl-Istadium taċ-Ċentinarju.

 Il-kowċ ta’ Santa Lucia Oliver Spiteri għamel żewġ bidliet mill-iskwadra li tilfet kontra Sirens fejn minflok Jamie Mari Overend u Camilo Escobar, bdew il-partita mill-bidu Daniel Agius u Maycon Santana. Fuq in-naħa l-oħra Mario Muscat bidel erba’ plejers wara t-telfa ta’ 3-1 kontra Ħamrun, b’ Sean Cipriott, Jan Tanti, Gonzalo Virano u Dejan Debono jieħdu post Leighton Grech, David Xuereb, Mirko Todoric u Wilfried Zamble.

Wara biss erba’ minuti logħob Santa Lucia marru viċin li jiftħu l-iskor fejn minn free-kick dirett ta’ Gabriel Mentz, il-gowlkiper ta’ Senglea Athony Curmi wettaq save sabiħ u dawwar il-ballun f’korner. L-ewwel azzjoni lejn il-lasta ta’ Caruana tasal fit-22 minuta meta l-Brażiljan ta’ Senglea Texeira rnexxielu jidħol fil-kaxxa avversarja iżda x-xutt dgħajjef tiegħu ġie milqugħ minn Caruana. Minuta biss wara kien Mano Micallef li ppenetra d-difiża ta’ Santa Lucia bix-xutt tiegħu jiġi milqugħ għal darb’ oħra minn Caruana.

Fl-34 minuta azzjoni għal Santa Lucia, fejn il-kross mil-lemin ta’ Rosero sab lil Segura iżda d-daqqa ta’ ras ta’ dan tal-aħħar għaddiet barra. Tliet minuti wara minn azzjoni personali, Rosero jaħrab mal-linja u wara li qata’ lejn in-nofs ra x-xutt tiegħu jiġi mdawwar f’korner minn Curmi.

L-ewwel azzjoni tat-tieni taqsima tasal minn Senglea meta Cipriott irċieva pass mid-difiża u ttanta xortih minn barra l-kaxxa bil-ballun jgħaddi ftit barra. Bil-logħob maqsum bejn iż-żewġ timijiet, kelna nistennew sal-71 minuta biex rajna azzjoni perikoluża meta l-plejer tal-logħba Marukawa rċieva pass tajjeb mal-linja xellugija u pprova xutt sabiħ li b’diffikulta Caruana wettaq save sabiħ u dawwar f’ korner.

Fit-82 minuta Diego Segura għal ftit ma ħasadx lil Curmi meta ssikkat minn żewġ difensur rnexxielu jixxuttja fil-baxx mill-kaxxa bl-istess Curmi jdawwar f’ korner. Santa Lucia kellhom ikomplu l-aħħar ħinijiet tal-partita b’ għaxra meta fil-85 minuta ir-referee Mattew Degabriele were t-tieni karta s-safra lil Mentz għal foul fuq Zamble. Fit-93 minuta, eżatt qabel is-sufara finali, free-kick ta’ Mano Micallef ġie mdawwar f’ korner b’diffikultà minn Caruana, korner li iżda ma kienx fadal biżejjed ħin biex jingħata.