Budget 2020 Edukazzjoni Lokali

HELA bi proposti favur il-kittieba Maltin

Aktar rikonixximent letterarju lejn it-talent Malti

Il-Fondazzjoni HELA (Hub for Excellence in the Literary Arts) resqet ħames proposti importanti għall-budget tal-2020 bil-għan li l-gvern jirrikonoxxi l-professjoni tal-kittieba u l-valur tas-settur letterarju għat-tisħiħ tal-kultura lokali.

Fil-qafas tal-konsultazzjoni pubblika dwar id-Dokument tal-Pre-Budget 2020, HELA qed tipproponi:

  1. Jinħarġu inċentivi biex jinfetħu ħwienet tal-kotba
  2. Jingħata stipendju lill-kittieba
  3. Jidħlu fis-seħħ inċentivi fiskali fuq il-produzzjoni tal-kotba letterarji
  4. Jiżdiedu l-inċentivi marbuta ma’ ġurnaliżmu kulturali 
  5. It-tisħiħ tal-apprezzament tal-ktieb u l-libreriji bħala prodott kulturali

Dwar dawn il-proposti kien hemm numru ta’ kummenti pożittivi fuq il-mezzi soċjali, fost l-oħrajn mill-Għaqda tal-Malti, fejn qalet li tappoġġja dawn il-proposti bi sħiħ, u temmen li hawn il-ħtieġa li dawn ikunu mwettqa.

Permezz tal-istess stqarrija HELA kompliet li matul dawn l-aħħar ftit snin, diġà kien hemm żviluppi biex il-professjonijiet li jikkontribwixxu lil dan is-settur, il-letteratura u l-qasam tal-pubblikazzjoni lokali, ikomplu jtejbu l-ħiliet u l-qagħda tagħhom. Madanakollu, għad hemm nuqqasijiet serji fis-settur u l-infrastruttura li jiddependi minnha.

Il-ħames proposti ta’ HELA jindirizzaw proprju dawn in-nuqqasijiet bħala opportunitajiet li minnhom jista’ jibbenefika l-qasam kulturali kollu. Komplew billi qalu li l-proposti jirriflettu l-ħsibijiet kemm tal-Fondazzjoni HELA kif ukoll għaqdiet oħra li tirrapreżenta l-Fondazzjoni u/jew li kkonsultat magħhom tul it-tfassil tal-proposti.

Intant l-istqarrija għalqet billi qalet li HELA se tibqa’ tistinka sabiex isservi ta’ punt ta’ riferiment li joffri informazzjoni, taħriġ kontinwu u attivitajiet, fosthom residenzi, li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-kittieba u tal-qarrejja lokali. Barra minn hekk, se tibqa’ minn ta’ quddiem sabiex isemma’ leħinha fi kwistjonijiet li jolqtu l-awturi u l-kotba lokali.