Lokali

Il-BoV jagħlaq għexieren ta’ kontijiet għax kienu “riskużi”

Għexieren ta’ kontijiet bankarji ta’ klijenti meqjusa bħala “high risk” ingħalqu mit-tmexxija tal-Bank of Valletta wara li l-Bank Ċentrali Ewropew ta istruzzjonijiet biex jibda proċess ta’ monitoraġġ dwar il-klijenti meqjusa “riskjużi”.

Il-ġurnal Times of Malta rrapporta li dan il-proċess inbeda aktar kmieni dan ix-xahar, bil-Bank jibgħat ittri lil dawn il-klijenti li mhux se jibqgħu jiġu offruti servizzi bankarji. Fil-fatt, il-klijenti ngħataw xahrejn ċans biex isibu bank alternattiv qabel ma l-kontijiet tagħhom jingħalqu għalkollox.

L-ittra kienet ċara biżżejjed, tant li l-Bank kien qed iwissi lil dawn il-klijenti li ma kienu se jingħataw l-ebda estensjoni fiż-żmien, ladarba jgħaddu x-xahrejn.

Bħal kull Bank ieħor regolat mill-BĊE, il-Bank of Valletta għandu ċ-ċans juża’ dan il-proċess, magħruf bħala “de-risk”, f’każ li jara opportun minflok ma jagħżel li jkompli jimmaniġġja kontijiet ta’ persuni deskritta “riskużi ħafna”. Għaldaqstant, il-Bank jagħżel li jwaqqaf kull relazzjoni kummerjali.

Il-ġurnal ikkwota sorsi relatati mas-settur, li qalu li l-Bank of Valletta tefa’ ħarstu fuq għexieren ta’ klijenti marbuta ma’ gaming companies li ma kienux irreġistrati mal-Awtorità Maltija tal-Logħob (MGA). Iżda anke madwar 20 kumpanija oħra rċievew ittra bħal din, għalkemm kienu reġistrati mal-Awtorità.

Ir-rapport ikompli li għadd minn dawn il-klijenti huma jew kienu aġenti fl-Iskema tal-Bejgħ tal-Passaporti Maltin u Ewopej.