Lokali

Il-passa tal-ħarifa fl-aqwa tagħha

Matul tmiem il-ġimgħa, il-pubbliku qed igawdi minn spettaklu naturali, filwaqt li jipparteċipa f’attivitajiet organizzati minn BirdLife Malta, hekk kif il-passa tal-ħarifa tat-tajr tal-priża fuq il-Gżejjer Maltin tinsab fl-aqwa tagħha.

Is-Sibt filgħodu, fir-Riserva Naturali tal-Għadira, wieħed seta’ jieħu sehem f’sessjonijiet ta’ osservazzjoni tal-għasafar tal-passa, jitgħallem dwar l-speċi differenti tal-għasafar li jgħaddu minn Malta u anke jattendi wirjiet ta’ ‘bird ringing’.

NET News tkellem ma’ Ray Galea, ‘bird ringer’ ma’ BirdLife Malta, li spjega dan il-proċess u l-importanza tiegħu. Huwa spjega li dan isir sabiex jintagħrfu l-għasafar li jpassu minn fuq il-ġżejjer Maltin, filwaqt li jkun iktar faċli sabiex jiġu studjati ħajjet dawn l-għasafar.

Hu saħaq ukoll ir-raġuni għaliex dan iż-żmien tas-sena, b’mod partikolari, hu wieħed importanti għall-passa, hekk kif dawn l-għasafar jkunu qed jagħmlu vjaġġ migratorju lejn post iktar sħun sabiex jqattgħu x-xitwa f’ambjent iktar addattat għalihom.

Sadanittant, il-Ħadd, il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi spettaklu ta’ għasafar li f’dan iż-żmien tas-sena jinġabru fil-Buskett, l-akbar bosk li għandna fil-Gżejjer Maltin.C

Din l-inizjattiva hi attività annwali organizzata madwar l-Ewropa minn BirdLife Europe and Central Asia, li fiha hi msieħba BirdLife Malta.