Futbol Sport

Inter għada jilqgħu lil Juventus f’wieħed mill-aktar dwell mistenni fl-aħħar snin

Il-kredenzjali ta’ Inter li jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat se jkollhom l-akbar eżami possibbli hekk kif fi Stadio Giuseppe Meazza jilqgħu liċ-champions Juventus. Inter huma l-uniku tim li rebaħ l-ewwel sitt logħbiet tal-istaġun u preżentament jinsabu biss żewġ punti fuq Juventus li kienu miżmuma biss minn Fiorentina.

Wieħed mid-dwell interessanti se jkun id-difiża ta’ Inter magħmula minn Stefan de Vrij, Milan Skriniar u Diego Godin kontra Cristiano Ronaldo, Gonzalo Higuain u Paulo Dybala li possibbilment jibdew it-tlieta flimkien. Fuq in-naħa l-oħra, Romelu Lukaku mistenni jirkupra fil-ħin u probabbilment jifforma l-attakk ma’ Lautaro Martinez biex iħabbtuha kontra l-koppja ċentrali magħmula minn Leonardo Bonucci u Matthijs de Ligt.

Fatt interessanti hu li dan se jkun l-ewwel konfront ta’ Antonio Conte minn meta ħalla lil Juventus. Aktar minn hekk hu se jkun fl-irwol ta’ kowċ ta’ Inter fejn anki wieħed irid jara kif se jikkontrolla l-emozzjoni tiegħu. Bl-appoġġ tal-partitarji u l-bidu pożittiv, Inter jinsabu mimlija bil-kunfidenza, b’Juventus rebħu biss tliet darbiet f’Milan minn Diċembru tal-2011. Rebħa f’dan il-konfront għal Inter, isaħħaħ il-kredenzjali li jistgħu serjament.

Jekk hemm żewġ kowċis taħt pressjoni huma proprju Aurelio Andreazzoli u Marco Giampaolo li inċidentalment se jiltaqgħu kontra xulxin fil-konfront bejn Genoa u Milan. Iż-żewġ kowċis jinsabu mdendlin u rapporti fil-media Taljana qed jgħidu li t-tellief se jkun qed jitlef postu jew jispiċċaw it-tnejn imkeċċija jekk jispiċċaw draw. Genoa qed ifittxu l-ewwel rebħa f’erba’ logħbiet filwaqt li Milan ġejjin minn tliet telfiet konsekuttivi kontra Inter, Torino u Fiorentina.

Minħabba l-kobor taż-żewġ timijiet, Milan huma aktar taħt pressjoni, b’Giampaolo qed ikun kritikat minħabba s-sistema li qed juża u l-għażla tal-plejers li qed jilgħab. Minbarra l-erba’ telfiet li sofrew, iż-żewġ rebħiet li kisbu kienu minimi kontra Brescia u Verona fejn lanqas hemm ma kkonvinċew. Milan qed ikollhom problemi speċjalment fl-attakk fejn skorjaw biss erba’ gowls f’sitt logħbiet u tnejn minnhom minn penalties. Ir-Rossoneri qegħdin qrib rekord negattiv hekk kif l-unika darba li Milan tilfu ħamsa mill-ewwel seba’ logħbiet kien lura fl-istaġun 1938/39.

Napoli jistgħu jieħdu vantaġġ mill-konfront bejn Inter u Juventus biex jagħlqu d-distakk minn ma’ fuq, iżda l-ewwel iridu jirbħu l-konfront tagħhom li hu diffiċli kontra Torino. It-tim ta’ Walter Mazzarri ġej minn telfa ta’ 3-2 kontra Parma, konfront li lagħbu għal ħafna ħinijiet b’raġel anqas. Din il-logħba tellfet ir-ritmu li bdew jaqbdu wara r-rebħa kontra Milan. Jidher li l-akbar problema ta’ Torino hi d-difiża, dipartiment li jrid iħabbatha mal-attakk ta’ Napoli.

In-Naplitani ġejjin minn rebħa ta’ 2-1 kontra Brescia u draw ta’ 0-0 kontra Genk fil-UEFA Champions League, bil-kowċ Carlo Ancelotti mistenni jilgħab fil-qalba tad-difiża lil Kostas Manolas u Sebastiano Luperto minħabba li Kalidou Koulibaly jiskonta t-tieni logħba sospensjoni u Nikola Maksimovic imweġġa’.

Logħob li jmiss

Ilbieraħ: Brescia v Sassuolo posposta

Illum: Spal v Parma 3.00pm, Verona v Sampdoria 6.00pm, Genoa v Milan 8.45pm

Għada: Fiorentina v Udinese 8.45pm, Roma v Cagliari 3.00pm, Atalanta v Lecce 3.00pm, Bologna v Lazio 3.00pm, Torino v Napoli 6.00pm, Inter v Juventus 8.45pm