Il-Gvern qed jonqos lill-għalliema u jinjora t-talbiet tagħhom. Pajjiżna jeħtieġ li jimmotiva u jirrispetta aktar lill-għalliema tiegħu u dan hu li se jagħmel il-Partit Nazzjonalista, b’aktar investiment fl-edukaturi, b’kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u salarju li jixirqilhom.
Fil-Jum Dinji ddedikat lill-Għalliema, il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata mis-Segretarju Ġenerali u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli, irringrazzja lill-edukaturi kollha għall-ħidma li jwettqu biex jedukaw lill-istudenti ħalli jkomplu fil-milja tagħhom u jirnexxu. Għall-Partit Nazzjonalista, it-taghlim hu ġest nobbli li japprezza u li jrid ikun rikonoxxut dejjem aktar.
Matul is-sena skolastika li għaddiet, kien hemm numru rekord ta’ għalliema li telqu mill-professjoni u numru sostanzjali ta’ għalliema li rriżenjaw matul ix-xhur tas-Sajf minħabba diversi raġunijiet, fosthom il-kundizzjonijiet diffiċli u s-salarji mhux kompettitivi. Minflok jinvesti fl-għalliema, il-Gvern Laburista qed iħares lejn l-importazzjoni ta’ edukaturi barranin.
Il-Partit Nazzjonalista innota li minkejja ċ-ċaħda tal-Ministru Edward Scicluna, dwar li f’pajjiżna m’hawnx nuqqas ta’ għalliema, għal sena oħra, il-bidu ta’ sena skolastika kienet ikkaratterizzata min-nuqqas ta’ għalliema f’diversi suġġetti, fosthom il-Malti, il-Matematika u l-Ingliż.
Dan ifisser li għal sena oħra, il-Gvern naqas milli jindirizza din il-kriżi li ħoloq hu stess meta falla milli jindirizza problema li bosta ilhom javżawh dwarha. Il-fatt li n-nuqqas ta’ għalliema hi serja u li se tkompli tikber, kien ikkonfermat mill-Eurostat meta wriet li fl-2017, nofs l-għalliema f’Malta li jgħallmu fi Skola Primarja u Sekondarja Ogħla kellhom bejn 50 u 54 sena.
Il-Partit Nazzjonalista qal li jemmen li l-għalliema għandhom ikunu ‘stakeholder’ importanti f’kull deċiżjoni li tikkonċerna l-Edukazzjoni. Il-Partit Nazzjonalista jkompli jesiġi li fl-Iskejjel ikun hemm sigurtà u li l-għalliema jitħallew jaħdmu b’serenità.
//= $special ?>