Internazzjonali

L-immigranti jridu juru li għandhom biex iħallsu għas-servizz tas-saħħa

Il-President Amerikan Donald Trump iffirma proklamazzjoni li permezz tagħha immigranti se jitwaqqfu milli jidħlu fl-Istati Uniti jekk ma jkollhomx polza tal-assigurazzjoni li tkopri l-ispiża għal kura tas-saħħa. Dan se jfisser li min mhux kapaċi jħallas għal din il-polza tal-assigurazzjoni fl-ewwel 30 ġurnata mhux se jitħalla jibqa’ fl-Istati Uniti.

Il-White House ħarġet din il-proklamazzjoni tal-President u ntqal li mhux se taffettwa l-applikazzjoni ta’ persuni li jkunu applikaw għall-ażil jew għal stat ta’ refuġjat.

Trump għamel il-kwistjoni tal-immigrazzjoni ċentrali fil-presidenza tiegħu meta kemm-il darba qal li jrid jaqta’ l-immigrazzjoni illegali. Ix-xahar li għadda, l-amministrazzjoni Trump qalet li fis-sena 2020 mistennija tapprova 18,000 refuġjat, li hija l-inqas ċifra fl-istorja moderna tal-programm Amerikan tar-refuġjati.

Intant bħalissa fil-konfront ta’ Trump kompliet tirranka l-ħidma tad-Deputati Demokratiċi fil-Kungress Amerikan bi tħejjija għall-impeachment tal-President Amerikan.

Dan hekk kif id-Demokratiċi ħarrku lis-Segretarju tal-Istat Amerikan Mike Pompeo biex jippubblika dokumenti dwar il-kuntatti bejn l-Amministrazzjoni Amerikana u l-Ukrajna.

Trump spiċċa fil-mira tal-iskrutinju tal-Kungress Amerikan wara li allegatament poġġa pressjoni fuq il-President tal-Ukrajna biex jinvestiga lil Joe Biden, eks Viċi President tal-Istati Uniti u s’issa, ir-rival ewlieni ta’ Trump għall-elezzjoni Presidenzjali tas-sena d-dieħla.