Futbol Sport

Milan jirritornaw għar-rebħ fi Stadio Marassi bi tbatija

(Ritratt: EPA)

Milan irritornaw għar-rebħa wara tliet telfiet konsekuttivi meta tħabtu biex għelbu l-isfida ta’ Genoa 2-1 fi Stadio Marassi f’logħba missielta. Iż-żewġ timijiet spiċċaw il-logħba b’raġel anqas u t-tnejn kellhom penalty, b’dak ta’ Genoa jkun salvat lejn it-tmiem minn Pepe Reina. Din ir-rebħa tagħti ftit nifs lill-kowċ ta’ Milan Marco Giampaolo filwaqt li tressaq lill-kowċ ta’ Genoa Aurelio Andreazzoli lejn it-tkeċċija.

Kienu Genoa li marru minn fuq fil-41 minuta, b’Pepe Reina jonqos li jżomm free-kick ta’ LASSE SCHÖNE. Fil-ħin tal-mistrieħ, Giampaolo wettaq żewġ bidliet li ħallew il-frott hekk kif ir-rossoneri dawru r-riżultat. THEO HERNANDEZ ġab id-draw fil-51 minuta meta ħasad lil Ionut Radu b’xutt minn pożizzjoni angolata.

Ħames minuti wara, Milan ingħataw penalty wara li ġie ġġudikat mir-referee Maurizio Mariani li Davide Biraschi waqqaf il-ballun ta’ Rafael Leao b’idu. Ir-referee ddeċieda wara konsultazzjoni mal-VAR u keċċa lil Biraschi. FRANCK KESSIE inkariga ruħu mill-penalty u għeleb lil Radu.

Milan kienu qed jikkontrollaw tajjeb sakemm fid-79 minuta tkeċċa Davide Calabria għat-tieni karta safra. Fl-aħħar minuti Genoa pressaw aktar u fid-89 minuta ngħataw penalty meta ġie ġġudikat li Reina waqqa’ lil Christian Kouame. Id-deċiżjoni diskutibbli kienet konfermata bil-VAR iżda mill-11-il metru, Reina salva tajjeb ix-xutt ta’ Schöne.

Serie A

Il-Ġimgħa:Brescia v Sassuolo   posp.

Is-Sibt: Spal v Parma 1-0, Verona v Sampdoria 2-0, Genoa v Milan 1-2

Il-Ħadd: Fiorentina v Udinese 8.45pm, Roma v Cagliari 3.00pm, Atalanta v Lecce 3.00pm, Bologna v Lazio 3.00pm, Torino v Napoli 6.00pm, Inter v Juventus 8.45pm