Liverpool baqgħu b’punti massimi wara tmien logħbiet hekk kif b’gowl lejn it-tmiem għelbu l-isfida ta’ Leicester 2-1 f’Anfield. Liverpool kienu fetħu l-iskor fl-40 minuta meta Sadio Mane rċieva mingħand James Milner u għeleb lil Kasper Schmeichel.
Leicester tjiebu fit-tieni taqsima u rnexxielhom jiksbu d-draw fit-80 minuta meta Ayoze Perez qassam lejn James Maddison li b’xutt mill-kaxxa għeleb lil Adrian li miss biss il-ballun. Liverpool skorjaw il-gowl tar-rebħa fil-95 minuta meta ngħataw penalty wara li ġie ġġudikat fawl ta’ Marc Albrighton fuq Sadio Mane, deċiżjoni li qajmet protesti mill-plejers ta’ Leicester. Inkariga ruħu mill-11-il metru l-veteran James Milner li skorja l-gowl tar-rebħa.
Aston Villa kisbu rebħa kbira ta’ 5-1 kontra Norwich f’Carrow Road. Wesley ta vantaġġ doppju lil Aston Villa b’żewġ gowls fl-ewwel nofs siegħa. Jack Grealish għamilhom tlieta fid-49 minuta u Conor Hourihane għamel l-iskor 4-0 fil-61 minuta. L-iskor sar 5-0 fit-83 minuta b’gowl ta’ Douglas Luiz, b’Josip Drmic jiskorja l-gowl ta’ konsolazzjoni għal Norwich.
Burnley komplew il-kampjonat pożittiv tagħhom b’rebħa f’Turf Moor ta’ 1-0 kontra Everton li baqgħu f’xifer ir-relegazzjoni. Fis-56 minuta Everton kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas meta tkeċċa għat-tieni karta safra Seamus Coleman. Jeff Hendrick skorja l-gowl rebbieħ.
Riżultati
Brighton v Tottenham 3-0, Burnley v Everton 1-0, Liverpool v Leicester 2-1, Norwich v Aston Villa 1-5, Watford v Sheffield United 0-0
//= $special ?>