Futbol Sport

RITRATTI: Tasal l-ewwel rebħa ta’ Fgura u St. George’s jirbħu b’għaxar plejers

(Ritratt: Matthew Tabone)

PEMBROKE A ……………………… 1 FGURA U ………………………… 2

Pembroke: P. Schranz, A. Vujovic (Y. Shaba 53’), M. Brincat, M. Zarb (Y. Tonna 59’), G. Azzopardi, D. Camilleri, T. Fenech, L. Mijic (J.P. Mifsud Triganza 59’), A. Smeir, N. Frendo, J.P. Oliveira Santos

Fgura: L. Moore, P. Chircop (J. Barbara 50’), D. Cartella, T. Grech, C. Gandini, J.R. Vella, J. Cassar, S. Hili (A. Cilia Mumford 79’), S. Borg, C. Gonzales Valero (A. Toncheff 84’), G. Galea

Referee: Daniel Portelli

Wara tliet telfiet konsekuttivi Fgura kisbu l-ewwel rebħa u l-ewwel punti tal-istaġun meta kontra kull mistenni għelbu lil Pembroke 2-1.

Pembroke kellhom bidu tajjeb u fallew xi ċansijiet ta’ skor, iżda man-nofs siegħa kienu Fgura li fetħu l-iskor meta korner mogħti minn Thomas Grech ħoloq taħwida fil-kaxxa ta’ Pembroke, żewġ xuttijiet ta’ players ta’ Fgura ġew imblukkati u finalment il-ballun wasal f’saqajn SHAWN BORG li għeleb lil Schranz b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa.  Ħames minuti wara, waslet azzjoni oħra min-naħa ta’ Fgura meta xutt ta’ Sergio Hili ħabat max-xibka minn barra. 

Wara l-mistrieħ, Pembroke ħarġu aktar determinati iżda ftit qabel is-siegħa logħob Fgura rdoppjaw meta SERGIO HILI kkonkluda fix-xibka b’xutt mill-ewwel wara free-kick min-nofs il-grawnd. Fid-89 minuta Pembroke naqqsu l-iskor meta s-sostitut JEAN PIERRE MIFSUD TRIGANZA għeleb lil Moore b’xutt b’saħħtu minn qagħda tajba.  Fl-aħħar battuti tal-partita, il-logħba saret nervuża tant li Joey Reno Vella ta’ Fgura u Neil Frendo ta’ Pembroke ġew murija l-karta l-ħamra.

St. George’s jiksbu l-ewwel rebħa b’għaxar plejers

MQABBA …………….. 1 ST. GEORGE’S ……………… 2

Mqabba: F. Tabone, D. Micallef, A. Ferreira, K. Magro, J. Micallef, Y. Omuro (I. Margarit 56’), P. Chimezie, J. Spiteri (K. Xuereb 46’), M. Caruana, K. Camilleri, G. Micallef.

St.George’s: J. Azzopardi, A. Hili, S. Perdomo (J. Dalli 79’), M. Mentosa (P. Changoon 57’), D. Caruana, C. Cassar, M. Uritani, G. D’Amato (L. Bonett 75’), L. Cutajar, J. Grech, A. Marshall.

Referee: Slobodan Petrovic

St. George’s kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun meta f’konfront dirett u minkejja li lagħbu għal siegħa bi plejer inqas għelbu lil Mqabba 2-1, biex Mqabba baqgħu ankrati f’qiegħ il-klassifika b’punt wieħed biss.

Il-partita kellha bidu bilanċjat sakemm fit-30 minuta St. George’s spiċċaw jilagħbu bi player anqas wara li Loumar Cutajar ġie muri l-karta l-ħamra wara li għadda xi rimarki.  Madankollu minuta wara St. George’s fetħu l-iskor meta DYLAN CARUANA approfitta minn indeċiżjoni bejn il-gowlkiper Tabone u difensur ta’ Mqabba u qabbeż il-ballun għax-xibka b’lob minn barra l-kaxxa.

St. George’s ma tantx damu jgawdu dan ir-riżultat għax seba’ minuti wara Mqabba għamlu l-iskor indaqs meta Alexsandro Ferreira ġie mwaqqa’ fil-kaxxa minn Adolphus Nagbe, ir-referee ordna penalty li minnu PAUL CHIMEZIE ma żbaljax.

Minkejja li kienu qed jilagħbu bi player anqas, fil-51 minuta St. George’s reġgħu marru fil-vantaġġ meta Mattia Mentosa dar ma’ difensur avversarju, qassam lejn DYLAN CARUANA u dan ikkonkluda fix-xibka b’xutt fil-baxx. Mqabba attakkaw għall-kumplament tal-logħba u resqu qrib f’xi okkażjonijiet iżda St.George’s ikkontrollaw tajjeb biex kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun.