Futbol Sport

Se jkunu Leicester li jwaqqfu lil Liverpool?

(Ritratt: Premier League)

Liverpool għandhom eżami partikolari illum f’Anfield. Huma jilqgħu lil Leicester immexxija minn Brendan Rodgers, il-manager li ħames snin ilu kien kważi wassalhom għar-rebħ tal-Premier League. Aktar minn hekk, Leicester fil-preżent jinsabu fit-tielet post fil-klassifika u għalhekk għandhom aktar minn tim validu biex iwaqqaf lil Liverpool.

It-tim ta’ Jurgen Klopp qed ifittex is-17-il rebħa konsekuttiva fil-Premier League filwaqt li Leicester qed jimmiraw li jiksbu l-ħames rebħa f’sitt logħbiet. Huma ilhom 43 logħba mhux megħluba f’Anfield fil-Premier League u l-aħjar sensiela tagħhom kienet ta’ 63 logħba li kienet mitmuma proprju minn Leicester f’Diċembru tal-1980. Joel Matip u Xherdan Shaqiri se jitilfu l-logħba tal-lum iżda l-gowlkiper Alisson reġa’ beda jitħarreġ u jista’ jkun ikkunsidrat li jibda. Fuq in-naħa l-oħra, James Maddison hu lura għad-dispożizzjoni wara li rkupra minn problema fl-għaksa.

Ir-rivali ta’ Liverpool, Manchester City, ukoll għandhom konfront diffiċli f’darhom meta jilqgħu lil Wolves. Iċ-champions Ingliżi jilagħbu għada u għalhekk se jkunu jafu r-riżultat ta’ Liverpool. Dan jista’ jkabbar il-pressjoni fuqhom. Wolves ġejjin mill-ewwel rebħa fil-kampjonat il-ġimgħa l-oħra u qed ifittxu li jiksbu l-ewwel rebħa kontra Manchester City fl-ogħla diviżjoni għall-ewwel darba minn Diċembru tal-1979.

Wolves kellhom bidu ta’ staġun diffiċli u għalkemm mhux favoriti, riżultat pożittiv f’dan il-konfront, jikkonferma l-kredenzjali tagħhom li jitilgħu fil-klassifika. Minbarra l-injuries fit-tul ta’ Aymeric Laporte u Leroy Sane, John Stones għadu nieqes filwaqt li żdied mal-lista Kevin de Bruyne. Wolves fuq in-naħa l-oħra jidher li se jkunu bl-aħjar skwadra

Żewġ timijiet li huma taħt pressjoni aktar mis-soltu huma Tottenham u Manchester United. Tottenham li qed ifittxu l-ewwel rebħa barra minn darhom, imorru għand Brighton, tim li qed ifittex l-ewwel rebħa fil-grawnd tiegħu. It-telfa umiljanti ta’ 7-2 kontra Bayern Munich kompliet tpoġġi pressjoni fuq il-manager Mauricio Pochettino u f’dan l-istadju l-anqas ħaġa li jrid hi telfa oħra kontra Brighton.

Manchester United jilagħbu f’St. James’ Park kontra Newcastle. Ir-Red Devils bħalissa jinsabu fl-għaxar post wara l-agħar bidu fi 30 sena. Id-draw diżappuntanti kontra AZ Alkmaar ma kompliex jgħin u bħal Pochettino, il-pressjoni bdiet tidher fuq Ole Gunnar Solskjaer. Newcastle jinsabu fiż-żona tar-relegazzjoni erba’ punti taħt Manchester United u riżultat negattiv f’dan il-konfront, ikompli jbiegħed lil Manchester United minn post mal-ewwel erbgħa.

Logħob li jmiss

Illum: Brighton v Tottenham 1.30pm, Burnley v Everton 4.00pm, Liverpool v Leicester 4.00pm, Norwich v Aston Villa 4.00pm, Watford v Sheffield United 4.00pm, West Ham v Crystal Palace 6.30pm

Għada: Arsenal v Bournemouth 3.00pm, Manchester City v Wolves 3.00pm, Southampton v Chelsea 3.00pm, Newcastle v Manchester United 5.30pm