Edukazzjoni Lokali

Sfidi kbar għall-għalliema f’pajjiżna fi żmien ta’ kriżi

Tislima lill-edukaturi fil-jum iddedikat għalihom

Iż-żewġ unions tal-edukaturi, il-Union tal-Għalliema, l-MUT, u l-Union tal-Edukaturi Professjonisti, il-UPE Voice of the Workers, fi stqarrijiet separati sellmu lill-edukaturi kollha li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fil-gżejjer Maltin fil-jum dinji tal-UNESCO dedikat għalihom.

It-tnejn li huma saħqu kif minkejja din hija ġurnata ta’ ċelebrazzjoni għall-professjoni madwar id-dinja, wieħed ma jistax ma jinnutax l-isfidi kbar li qed jaffaċjaw l-għalliema f’pajjiżna fi żmien ta’ kriżi li mhuwa faċli xejn għalihom.

It-tema tal-MUT għal din il-ġurnata hija “Għalliema Żgħażagħ: il-futur tal-professjoni”, b’riferenza ċara għan-nuqqas kbir ta’ għalliema ġodda żgħażagħ li qed jesperjenza s-settur, meta dawn lanqas qegħdin jingħataw żieda fl-istipendju biex jikkumpensaw għall-ispejjeż li jonfqu fit-teaching practice.

Minn professjoni rispettati ħafna bi professjonist apprezzati u avżati li jservu ta’ idoli għal żgħażagħ oħra, il-Gvern jispiċċa jwaħħal fl-għalliema għall-falliment tiegħu fis-sistema edukattiva.

Fost il-problemi li qed jesperjenza s-settur edukattiv, kawża ta’ żbalji konsekuttivi tal-awtoritajiet edukattivi, l-MUT semmiet in-nuqqas ta’ riżorsi meħtieġa għall-għalliema, bħal sempliċiment laptop b’kawża ta’ dewmien fi proċessi ta’ procurement, u n-nuqqas ta’ sigurtà fl-iskejjel u superviżjoni fuq it-trasport tal-istudenti, deskritta bħala eżerċizzju biex il-Gvern jiffranka l-flus.

Il-UPE rringrazzjat lill-edukaturi tax-xogħol imprezzabbli li jagħmlu ta’ kuljum mal-istudenti, minkejja li x-xogħol tagħhom mhuwiex apprezzat mill-Gvern, b’bosta bibien magħluqa f’wiċċhom.

Quddiem dan, fakkret kif l-edukaturi jqattgħu mijiet ta’ sigħat ‘il bogħod minn familthom biex iħejju l-lezzjonijiet għall-istudenti minn qabel u barra l-ħin tax-xogħol.

Il-union saħqet kif l-edukaturi joffru wens lill-istudenti tagħhom meta jkunu minsija mis-soċjetà kollha, u kif ġieli anki jipprovdu ikel u xorb minn buthom lil studenti li ma jkollhomx kolazzjon imħejji mill-ġenituri tagħhom.

Il-UPE raddet ħajr ukoll lill-edukaturi li b’vokazzjoni jgħinu lil studenti bi bżonnijiet speċjali sabiex ma jaqgħux lura fis-soċjetà, u lill-edukaturi Għawdxin li ta’ kuljum, xemx jew xita, jaqsmu l-fliegu sabiex jgħallmu lill-istudenti Maltin.