Futbol Sport

Tottenham jerġgħu jiddiżappuntaw … tikber il-pressjoni fuq Pochettino

(Ritratt: Premier League)

L-istaġun deludenti ta’ Tottenham Hotspur kompla hekk kif kienu megħluba meritatament minn Brighton 3-0 fl-Amex Stadium. Dan ir-riżultat ikompli jitfa’ aktar pressjoni fuq il-manager Mauricio Pochettino hekk kif baqgħu fis-sitt post bi 11-il punt u għaxar punti bogħod mill-quċċata. Aktar minn hekk din kienet ir-raba’ telfa fl-aħħar ħames logħbiet u din it-telfa ssegwi l-umiljazzjoni ta’ 7-2 li sofrew kontra Bayern Munich fost il-ġimgħa fil-UEFA Champions League.

It-tim ta’ Graham Potter kellu bidu mill-aqwa meta fetaħ l-iskor wara biss tliet minuti. Il-gowlkiper ta’ Tottenham Hugo Lloris ma żammx kross li deher faċli ta’ Pascal Gross, b’Neal Maupay ikompli l-ballun għal ġewwa. F’din l-azzjoni weġġa’ Lloris li kellu jiġi mibdul minn Paulo Gazzaniga.

Brighton irduppjaw fit-32 minuta biż-żagħżugħ Aaron Connolly jiskorja mir-rebound wara li l-ewwel konklużjoni tiegħu kienet salvata parzjalment minn Gazzaniga. B’hekk hu sar l-ewwel żagħżugħ minn Brighton li lagħab mal-klabb u skorja fil-Premier League.

Connolly saħansitra għamilhom tlieta fil-65 minuta b’azzjoni personali fuq ix-xellug u wara li ġibed il-ballun fuq il-lemin, għeleb lil Gazzaniga fir-rokna tax-xibka.