It-tweġiba tal-Ministru tal-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, biex jipprova jikkonsla li ma kienux żewġ terzi mill-għalliema mistoqsija li ma wieġbux li jitilqu mill-professjoni ta’ għalliema, ma tantx niżlet tajjeb mal-Kap Eżekuttiv tal-Union tal-Edukaturi Professjonisti, UPE Voice of the Workers, Graham Sansone:
“Dak il-kumment, li juri l-inċertezza tal-Ministru għal dawk in-nies li xorta waħda qed jitilqu mis-settur, kważi kważi weġġani ħafna lili. Jekk għandna porzjon mill-għalliema li qed jiggradwaw mill-Università u li mhux qed ikomplu, dik hija problema għas-soċjetà.”
Evarist Bartolo kien ammetta ma’ NET News li terz tal-għalliema ma jagħżlux din il-professjoni li kieku kellhom jerġgħu jagħżlu u meta mistoqsija jekk jinkwieta b’dak it-terz, huwa wieġeb li dak ma jfissirx li żewġ terzi ma jridux ikomplu u terz iridu.
Min-naħa tiegħu, Sansone staqsa lill-Ministeru kemm qed jiggradwaw studenti bħala għalliema f’firxa wiesgħa ta’ suġġetti:
“Meta studenti ma jidħlux għal suġġetti partikolari, din hija problema kbira. Għalliema tal-Matematika ma għadekx issib illum, tal-Malti ssib ftit aktar iżda hemm setturi bħax-Xjenza u l-I.T., dawn qed imorrulek għal setturi oħra aktar kompettitivi.”
Qal li issa sta għall-Ministeru li joħloq programmi u inċentivi biex mhux biss iżomm l-għalliema fis-settur iżda jħajjar aktar żgħażagħ jagħżlu l-professjoni.
Sansone kien qed iwieġeb wara konferenza tal-aħbarijiet biswit l-Iskola Primarja tal-Kulleġġ Santa Klara f’Tas-Sliema, indirizzata minnu, mid-Direttur tal-Iskejjel tal-Istat Rita Catania, u mill-Kontrollur Finanzjarju Eżekuttiv George Debono.
Il-UPE żvelat ukoll kif l-edukaturi mħarrġa biex jgħallmu lill-istudenti tal-Programm ta’ Tagħlim Alternattiv fil-Kulleġġ St. Thomas Moore, f’Raħal Ġdid, magħrufa aħjar bħala l-Iskola tas-Snajja’, ġew ingaġġati bħala ħaddiema self-employed mill-Ministeru tal-Edukazzjoni:
“Għandek edukaturi, li huma ħaddiema mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni u tax-Xogħol, qegħdin jiġu impjegati fuq bażi self employed tista’ tgħid, b’rata ta’ €11.65-is siegħa.”
Dan meta l-edukaturi lanqas igawdu minn benefiċċji bħal ħaddiema oħrajn:
“Dawn il-ħaddiema fi żmien il-festi u meta jkunu morda ma jitħallsux. Hija tal-mistħija li d-Dipartiment tal-Edukazzjoni u tax-Xogħol jippermetti li dawn il-kundizzjonijiet jingħataw lil dawn l-edukaturi. Hija tal-mistħija aktar li ħaddiema bħal dawn għandhom kuntratt mhux denju, u dan suppost fejn għandek Ministeru li qiegħed jagħti eżempju lin-negozji li jħaddmu.”
Huma lmentaw kif l-għalliema qed ikollhom jonfqu parti konsiderevoli mill-paga biex l-istudenti jkollhom il-klassijiet imsebbħa, mingħajr ma saħansitra jiġu kkumpensati mill-Gvern, minkejja li numru ta’ klassijiet mhux denji biex isir it-tagħlim.
//= $special ?>