Il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għal pajjiżna hi li l-ġid li jinħoloq jitgawda minn kulħadd. Illum mhux qed jiġri hekk. Il-politika tal-Gvern li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni bla pjan qed toħloq diffikultajiet f’numru kbir ta’ setturi. Kuljum qed jiżdiedu n-numru ta’ nies fix-xifer tal-faqar u qed dejjem jiżdied in-numru ta’ pensjonanti li l-pensjoni ma twassalhomx sal-aħħar tax-xahar. Il-prezzijiet tal-prodotti essenzjali qegħdin dejjem jiżdiedu filwaqt li l-pagi jibqgħu baxxi.
Din il-pressjoni qed tinħass ukoll fuq il-middle class fejn qed tiżdied dejjem aktar fuqhom il-pressjoni tal-għoli tal-ħajja, tal-prodotti essenzjali, tal-kirjiet u l-prezzijiet tal-propjetà. Il-Partit Nazzjonalista determinat li, mill-gvern, ibiddel din is-sitwazzjoni u prova ta dan huwa l-Pre Budget Document, b’aktar minn 100 proposta għal ħajja aħjar, soċjetà aktar ġusta fejn il-ġid li jinħoloq verament jasal għand kulħadd u mhux jitgawda mill-ftit. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq NET FM.
Adrian Delia qal li din il-ġimgħa l-PN spjega fid-dettall il-proposti tiegħu għall-budget fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-qasam soċjali. Dwar l-edukazzjoni, l-Kap tal-PN spjega kif l-għalliema f’pajjiżna huma demotivati minħabba kundizzjonijiet tax-xogħol mhux tajbin u bl-atteġġjament irresponsabbli tal-Gvern li jrid jagħmel tajjeb, għan-nuqqas ta’ għalliema, bl-importazzjoni ta’ għalliema barranin.
Il-PN permezz tal-Pre Budget Document, qed jipproponi li l-Gvern jinvesti bis-serjetà fil-professjoni filwaqt li jiddedika aktar riżorsi għar-riċerka fl-edukazzjoni, għax flok skola ġdida fis-sena spiċċajna b’kontejner ġdid fil-ġimgħa fejn uliedna jieħdu t-tagħlim tagħhom. Il-PN se jara li l-għalliema jkunu motivati u li jkollhom l-għodda kollha meħtieġa biex jilħqu l-ħtiġijiet tas-socjetà li qed tevolvi.
Adrian Delia rrefera għal studju ppreżentat mill-KPMG u li kien kummissjonat mill-MDA li juri biċ-ċar li l-proprjetà residenzjali qed issir anqas affordabbli, bl-indiċi dwar l-affordabbiltà jerġa’ jinżel għat-tieni sena konsekuttiva, studju li fih innifsu jikkonferma slowdown li qed jaffaċċja s-settur tal-proprjetà, fejn id-domanda għall-proprjetà mhux tiżdied, anzi mqabbla ma’ snin oħra, din naqset.
Din waħda mill-akbar sfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħha speċjalment koppji żgħażagħ li qegħdin ifittxu fejn joqogħdu, iżda l-Gvern mhu qed jaghmel xejn sabiex jindirzza din l-isfida. Wara kważi sebgħa snin fil-Gvern, lanqas binja waħda ta’ akkomodazzjoni soċjali, filwaqt li ma jeżisti l-ebda pjan dwar l-iżvilupp f’pajjiżna u ebda pjan li jassigura li l-industrija tal-kostruzzjoni tkompli trendi għall-ekonomiija tal-pajjiż, iżda dan isir bi pjan serju u fit-tul.
Dwar id-dikjarazzjoni ta’ Konrad Mizzi li qal li ‘jiddispjaċih dwar dak li nqala’ wara li nqabad li fetaħ, flimkien maċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, kumpanija fil-Panama, Adrian Delia qal li l-unika sobgħa li għandu Konrad Mizzi hi li nqabad. Bl-aġir tiegħu u bl-appoġġ ta’ Joseph Muscat, li baqa’ jirrifjuta li jneħħieh, r-reputazzjoni tajba ta’ pajjiżna ngħatat daqqa ta’ ħarta. Konrad Mizzi jmissu ilu li telaq. Joseph Muscat jmissu ilu li keċċieh, iżda minkejja dak li qalu esponenti ewlenin tal-Gvern, inkluż Helena Dalli din il-ġimgħa, Joseph Muscat jibqa’ jiddefendi lil Konrad Mizzi u Keith Schembri akkost ta’ kollox, temm jgħid Adrian Delia.
//= $special ?>