Imut id-drummer leġġendarju Ginger Baker
Id-drummer Britanniku ta’ fama mondjali, Ginger Baker miet fl-età ta’ 80 sena wara li kien ilu jbati bi problemi f’saħħtu. Il-mużiċista – ismu proprju Peter Edward Baker – kien fost l-aktar drummers innovattivi u influwenti fl-istorja tal-mużika Rock u għamel żmien idoqq ma’ gruppi leġġendarji bħal Blind Faith, Jimi Hendrix Experience u Hawkwind.
Madankollu, Baker jibqa’ magħruf l-aktar bħala l-ko-fundatur tas-supergrupp Cream, fejn miegħu, bħala mużiċisti-membri, kellu lill-kitarrista Eric Clapton u Jack Bruce fuq il-bass.
Filwaqt li l-kritiċi kienu ammiraturi kbar ta’ Ginger Baker (li bħala drummer kien jikkombina elementi tar-Rock mal-mużika jazz) hu kellu wkoll karattru temperamentali diffiċli u mhux darba u tnejn li spiċċa involut fi ġlieda fuq il-palk.
Minkejja li saħħtu kienet sejra lura għall-aħħar snin, Ginger Baker kien baqa’ jdoqq id-drums filwaqt li jesprimi ruħu mużikalment mill-aħjar li seta’.
//= $special ?>