Lokali

Aġenzija Għarbija tgħid li Neville Gafà ltaqa’ ma’ terroristi li jitraffikaw l-armi

RAPPORT IEĦOR FIL-MEDIA INTERNAZZJONALI LI JITFA' DELLIJIET TQAL FUQ IL-GVERN TA' MUSCAT

L-Aġenzija Għarbija Kul al-ARAB f’dawn il-jiem ippubblikat dossier li fih tikkwota sors li ma identifikax lilu nnifsu fil-gvern Libjan Fayez al-Sarraj, li jgħid li Neville Gafà, il-mibgħut speċjali fil-Libja tal-Prim Ministru Joseph Muscat fix-xhur u fis-snin reċenti allegatament kellu laqgħat ripetittivi ma’ dak li sejħet bħala terroristi Libjani li allegatament jimmilitaw fin-negozju (kuntrabandu) tal-armi u ż-żjut mill-Port u x-Xatt ta’ Tripli.

L-Aġenzija Għarbija Kul al-ARAB tallega li dawn it-“terroristi Libjani” involuti fil-kriminalità organizzata huma wkoll involuti fin-negozju tat-traffikar tal-immigranti mill-Afrika ta’ Fuq għall-Ewropa ta’ Isfel.

L-Aġenzija Għarbija Kul al-ARAB tistaqsi x’tip ta’ kuntatti huma dawn li Neville Gafà allegatament kellu ma’ dawn il-milizji terroristiċi Libjani u fiex qed jirriżultaw dawn il-kuntatti. Dan filwaqt li l-Aġenzija ssemmi wkoll kif l-istorja tal-pazjenti Libjani mogħtija l-kura fl-isptar tal-Gvern Malti f’Malta, għadha għaddejja bis-saga tagħha wara li l-pazjenti Libjani qed jallegaw li kienu frodati eluf kbar ta’ ewro mill-istess Neville Gafà tant li l-proċeduri fil-Qrati Maltin għadhom għaddejjin.

L-Aġenzija Kul al-ARAB tibda biex tirrapporta kif Neville Gafà kien personalment mexxa delegazzjoni famuża mibgħuta fil-Libja mill-Prim Ministru Muscat għal taħditiet mal-Viċi President tal-Kunsill Presidenzjali Libjan Ahmed Mitig, u mal-Ministru tal-Intern Al-Wefaq Fahti Pashaga, f’Novembru 2018.

Is-sors ta’ Kul al-ARAB kompla jkun ikkwotat jgħid li allegatament Neville Gafà ltaqa’ wkoll ma’ Ahmed Maiteq aktar minn darba din is-sena fil-preżenza tal-Ambaxxatur Malti għal-Libja u dan minkejja li l-Ambaxxata Maltija fi Tripli ma tiffunzjonax.

Neville Gafà allegatament jidher li kien irnexxielu jattira għadd ġmielu ta’ pazjenti Libjani u allegatament irċieva flejjes kbar bl-iskuża li ried jiffaċilità u jiġbor il-proċeduri kollha meħtieġa għat-trasferiment tal-pazjenti Libjani lejn Malta u l-kura tagħhom.

Jirriżulta li l-awtoritajiet ġudizzjarji Maltin infurmaw lil Neville Gafà bl-indaġni tagħhom dwar dan il-proċess ġudizzjarju mit-12-il pazjent Libjan. Għalhekk Neville Gafà mar fi Tripli bl-iskop li jiltaqa’ ma’ dawn il-pazjenti Libjani.

Aktar informazzjoni fil-ħarġa ta’ il-mument tal-lum.