- L-ordni tal-qtil ħareġ fil-bidu tal-2017 u kien pospost
- Joseph Muscat u Keith Schembri se jitħarrku bħala xhieda
Raġel prominenti fil-qasam tal-kummerċ f’Malta qed jissemma’ fost is-suspettati li ordna l-assassinju tal-ġurnalista’ Daphne Caruana Galizia.
L-ordni biex tinqatel Daphne Caruana Galizia ħareġ fil-bidu tal-2017; ftit ġimgħat qabel issejħet elezzjoni ġenerali bikrija.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri mistenni jiġu mħarrka bħala xhieda fil-każ li għaddej bħalissa fil-Qorti.
Dawn kienu l-punti ewlenin li ħarġu minn rapport tal-gazzetta The Sunday Times of Malta – l-istorja li qed tiddomina l-aħbarijiet.
Il-gazzetta ikkwotat sorsi qrib l-investigazzjoni jgħidu li dan il-businessman prominenti hu wieħed minn tliet suspettati ewlenin li ordnaw l-assassinju tal-ġurnalista. Is-sorsi jgħidu li sa issa, dan is-suspettat għadu ma ġiex interrogat mill-investigaturi għaliex għadhom qed jinġabru l-provi.
Huma jsostnu li Daphne Caruana Galizia kienet qed tinvestiga l-operat ta’ dan il-businessman qabel inqatlet iżda ma kienx hemm battibekki pubbliċi jew kawżi legali bejniethom.
Iż-żewġ suspettati l-oħra huma allegatament invouti fil-qasam tal-imħatri u l-ieħor hu magħruf li hu involut fid-dinja tal-kuntrabandu.
The Sunday Times tkompli li l-investigaturi stabilixxew ċertu rabtiet bejn ċertu individwi u sekwenza ta’ avvenimenti li jippontaw lejn ir-rwol ta’ dan il-businessman.
Sa issa għad ma nstabux provi li jimplikaw involviment ta’ politiċi jew persuni li għandhom kariga politika iżda l-investigaturi għadhom ma eskludewx li jista’ jkun hemm rabta politika ma’ dan il-qtil.
Il-Qtil kien ordnat fil-bidu tal-2017
Il-gazzetta ssostni li rat dokumenti li juru li wieħed mis-suspettati għamel testment ftit wara li f’Diċembru tal-2017, il-pulizija arrestat lill-aħwa Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat fuq suspett li poġġew u splodew il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.
Skont sorsi qrib l-investigazzjoni, l-assassinju kien ordnat fil-bidu tal-2017 iżda imbagħad ġie pospost. Eventwalment, ingħata l-go-ahead għall-qtil tal-ġurnalista f’Awwissu tal-2017. Liema delitt ġie eżegwit fis-16 ta’ Ottubru ta’ dik is-sena.
F’Ġunju tal-2017, jiġifieri bejn il-ħruġ tal-ordni oriġinali u l-posponiment tal-istess ordni u l-ħruġ tal-ordni finali f’Awwissu ta’ dik is-sena, il-Prim Ministru Joseph Muscat sejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija.
L-istess Daphne Caruana Galizia kienet staqsiet għaliex Muscat kien sejjaħ din l-elezzjoni ġenerali bikrija. Kuntrarju għal dak li ħasbu ħafna, hi kienet sostniet l-elezzjoni ma ssejħitx minħabba l-allegazzjonijiet dwar il-kumpanija Egrant.
F’post fil-blog tagħha f’Mejju tal-2017, Daphne Caruana Galizia kitbet li l-preparamenti għal elezzjoni ġenerali bikrija kienu ilhom li bdew minn nofs Marzu, iktar minn xahar qabel ma’ faqqgħet il-kwistjoni Egrant. Tant hu hekk, li d-domain name fuq l-internet, l-aqwazmien.com – li eventwalment kien l-islogan elettorali tal-partit Laburista – kien reġistrat fis-7 ta’ April, iktar minn ġimgħatejn qabel hi stess kienet kitbet dwar Egrant.
The Sunday Times tkompli li sadanittant, fil-kumpilazzjoni li għaddejja bħalissa, l-Avukat Arthur Azzopardi, li qed jidher għal Vince Muscat, magħruf bħala il-Koħħu, mistenni jħarrek bħala xhieda lill-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, l-Avukat Ġenerali Peter Grech u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Ġimgħatejn ilu, wara ħafna tkaxkir tas-saqajn u qrib id-data tal-iskadenza mill-Kunsill tal-Ewropa, il-Gvern waqqaf inkjesta indipendenti dwar jekk l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia setax ikun evitat u jekk kienx hemm nuqqasijiet fl-investigazzjoni. Il-familja ta’ Caruana Galizia oġġezzjonat għal ħatra ta’ tnejn minn tliet membri ta’ dan il-bord ta’ inkjesta, fejn qed issostni li dawn għandhom kunflitt ta’ interess.
//= $special ?>