Lokali

Ċiklista tintlaqat minn karozza

Mara ta’ 26 sena sofriet ġrieħi gravi wara li ntlaqtet minn vettura waqt li kienet fuq ir-rota. L-inċident seħħ dalgħodu għall-ħabta tat-tmienja, fi Triq id-Daħla ta’ San Tumas kantuniera ma’ Triq ir-Ramla, iż-Żejtun,

Il-Pulizija mill-Għassa taż-Żejtun marru immedjatament fuq il-post, fejn irriżulta li, raġel ta’ 42 sena residenti ż-Żejtun kien qed isuq vettura tal-għamla Toyota Dyna u għal xi raġuni kellu impatt ma’ mara residenti Ħal Balzan li kienet qed issuq rota.

Fuq il-post issejħet l-ambulanza li ħadet lill-mara l-Isptar Mater Dei għal kura, fejn aktar tard ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi.

Investigazzjonijiet tal-Pulizija rigward dan l-inċident għadhom għaddejjin.